Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Ħtieġa għal tribunal biex ir-Russja tinżamm kontabbli  — Von der Leyen

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von der Leyen, sejħet għat-twaqqif ta’ tribunal bir-responsabbiltà li jżomm lir-Russja kontabbli għal xhur ta’ gwerra fl-Ukrajna…Gwerra li rriżultat f’eluf tal-mejtin u midruba, minbarra r-reati kontra l-umanità u li jmorru kontra l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

Hi qalet ukoll li, illum, kulħadd qed jifhem l-urġenza tas-sejħa għall-protezzjoni tal-Ukrajna wara kważi sena ta’ konflitt u meta l-Ewropa hi ‘familja b’viżjoni waħda bl-inklużjoni ta’ pajjiżi li jgħinu lil xulxin f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi’.

Von der Leyen enfasizzat li l-Ukrajna tista’ isserraħ rasha mill-għajnuna sħiħa tal-Ewropa bl-UE qed tifhem u tappoġġja t-taqbida tal-Ukreni biex jgħixu f’pajjiż ħieles, paċifiku u indipendenti.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll li l-Ewropa trid tagħmel aktar biex tgħin lill-Ukreni minkejja l-biljuni tal-ewro li diġà ngħataw lil dan il-pajjiż.

Dan wara li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal, waqt diskors fi Brussell lill-Mexxejja tal-Ewropa, li l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Armata Russa mhix sempliċi attakk fuq il-valuri tal-Ewropej iżda anki attakk fuq l-interessi kruċjali tal-kontinent kollu.