Futbol Sport

Proposta dehra ġdida għall-European Super League

Wara l-falliment ta’ sentejn ilu, matul il-jum tal-Ħamis reġgħet feġġet l-aħbar li qed tiġi proposta dehra ġdida għall-European Super League. A22 Sports Management, il-kumpanija li qed timbotta ‘l quddiem il-European Super League qalet li din il-kompetizzjoni se tkun waħda miftuħa u mhux kif kien propost fl-2021, fejn kienet se tinkludi fiha 20 tim, 15 minnhom b’mod permanenti bħala l-fundaturi tal-kompetizzjoni.

Din il-proposta kienet ġabet magħha rabja kbira minn bosta, bil-partitarji tat-timijiet li kienu fost il-fundaturi ta’ din il-kompetizzjoni joħorġu jipprotestaw u jitolbu r-riżenja tad-diriġenza tal-klabbs rispettivi.

Bernd Reichart li huwa c-Chief Executive ta’ A22 Sports Management qal li l-futbol Ewropew jinsab viċin kollass u b’hekk hemm bżonn bidla. Hu żied jgħid li l-pjan il-ġdid huwa li s-Super League jinkludi bejn 60 u 80 tim, fejn kull tim ikollu ċans li jilgħab minn tal-inqas 14-il partita filwaqt li jkompli jikkompeti fil-Kampjonat Domestiku.

Rapport maħruġ mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qal din il-kompetizzjoni kienet qed timxi mal-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea u kienu l-UEFA u l-FIFA li kienu qed jiksru l-liġi meta kienu qed jheddu lill-klabbs u lill-players li riedu jikkompetu fil-European Super League.