Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Se nibqgħu miegħek; l-Ukrajna se tirbaħ” – Metsola lill-President Zelensky

Din hija okkażjoni storika – mument straordinarju fi żminijiet straordinarji.

Sostniet dan il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hekk kif il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky żar il-Parlament Ewropew. B’Metsola tinsisti li l-Unjoni Ewropea se tibqa’ tkun ta’ spalla għall-Ukreni.

Iz-zjara ta’ Zelensky fi Brussell seħħet kważi sena wara l-invażjoni tar-Russja u l-gwerra brutali fil-Lvant tal-Ewropa.

Roberta Metsola minn naħa tagħha saħqet li fl-aħħar sena Zelensky ispira lil bosta bit-tmexxija tiegħu. Il-President tal-Parlament Ewropew ma kellha xejn ħlief kliem ta’ tifħir għall-President Ukren hekk kif waqt li l-gwerra qed tissokta bi ġlieda deskritta bħala waħda bejn David u Gulia, isem is-suldati se jibqa’ jixxandar għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Roberta Metsola insistiet li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tgħin lill-Ukrajna b’kull mezz possibbli kemm fondi biex jibnu l-ibliet mill-ġdid, taħriġ għat-truppi u anke tagħmir militari u sistemi ta’ difiża sabiex tingħeleb din it-theddida mir-Russi. Hija saħqet li Volodymyr Zelensky m’għandu jikkonvinċi lil ħadd biex jingħaqad miegħu għal din il-ġlieda għal paċi u ghalhekk, huwa essenzjali s-sapport lejn l-Ukrajna.