Lokali Qorti

Tmien xhur ħabs talli daħħlet l-eroina fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Mara ta’ 57 sena minn Santa Venera ġiet ikkundannata tmien xhur ħabs mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wara li f’April ta’ 10 snin ilu pprovat iddaħħal l-eroina fil-parti privata tagħha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin meta marret biex iżur lil xi ħadd.

Theresa Agius, li bħalissa għaddejja proċeduri fil-Qorti fuq estorsjoni u theddid fuq laqgħat sesswali ġiet mmultata wkoll €900. Kien it-23 t’April tal-2013, żewġ uffiċjali nisa tal-ħabs kienu ngħataw ordni biex jagħmlu tfittxija fuqha meta marret biex iżżur priġunier.

Dawn talbuha biex titbaxxa u hemm innotaw xi ħaġa fil-parti tagħha. L-uffiċjali tal-Ħabs xehdu li l-imputata daret u provat tneħħiha fil-pront. Waħda mill-uffiċjali xehdet li provaw jeħduhielha minn idejha iżda rreżistiet. Waħda mill-uffiċjali qalet li l-oġġett kien imgeżwer f’tissue u l-oħra qalet li rat pakkett ileqq.

Pulizija xehed li ġie infurmat li twaqqfet viżitatriċi fil-ħabs wara li nstabilha oġġett suspettuż. Qal li fil-kamra fejn saret it-tfittxija ra l-oġġett fl-art. Mill-investigazzjonijiet instab li fih instabet l-eroina. Il-Qorti qalet li se tiskarta l-istqarrija li tat l-imputata minħabba li ma kinitx ingħatat id-dritt għall-assistenza legali waqt l-interrogazzjoni. Skartat ukoll ix-xhieda tal-Pulizija dwar l-istess stqarrija.

Il-Qorti qalet li m’hemmx dubju li hemm inkosistenza bejn dak li xehdu l-uffiċjali tal-ħabs u dak li qalu l-Pulizija dwar li ntqal lilhom meta waslu l-ħabs.  L-uffiċjali tal-ħabs qalu li waħda minnhom rat xi ħaġa fil-parti intima tagħha u li l-imputata ħadet dal-oġġett f’idha, waqt li l-Pulizija xehdu li li kienu nfurmati li waqt li ġiet mitluba tneħħi dan l-oġġett waqa’ pakkett żgħir fl-art.

Minkejja dan, il-Qorti qalet li m’għandhiex dubju li l-imputata daħlet xi oġġett li ġie elevat fil-ħabs, li aktar tard irriżulta li kien eroina. Il-Maġistrat qalet li huwa evidenti li l-imputata kienet aġitata u rreżistiet lill-uffiċjali tal-ħabs u qalet ma tara l-ebda raġuni għala kellha tidħol il-ħabs f’oġġett moħbi fil-parti tagħha, għajr li kien hemm oġġett illegali.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, qieset il-kondotta tal-ħatja, li sa dakinhar tal-każ kienet instabet ħatja ta’ reati kontravvenzjonali, pussess u traffikar tad-droga eroina, reati konnessi ma’ lottu klandestin, reati ta’ ksur ta’ regolamenti tat-traffiku u kienet ħebbet għal terza persuna b’arma bil-ponta.

Il-Qorti qieset ukoll in-natura tal-każ li provat iddaħħal droga lill-priġunier fil-ħabs, fil-post intiż għar-riforma u r-rijabilitazzjoni tal-persuni miżmuma hemm. Qalet li minkejja l-każ seħħ fl-2013, id-dewmien fil-proċeduri kienu dovuti għall-imputata stess u d-difiża tagħha wara li ma kinitx dehret għal xi seduti, kultant mingħajr ma tat raġuni.

Waqt li l-Qorti ordnat li tinqered id-droga msemmija, ikkundannat lill-mara tmien xhur ħabs u multa ta’ €900. Il-Qorti tat ukoll ċans lil Agius biex tħallas il-multa f’rati mensili ta’ €50, bl-ewwel pagament isir fi żmien xahar, b’dan illi jekk il- ħatja tonqos milli tħallas pagament wieħed, il-bilanċ jiġidovut minnufih u jiġi konvertit fi priġunerija skont il-liġi. Hija ġiet ordnata wkoll tħallas l-ispejjeż tal-Qorti. Il-Prosekuzzjonoi tmexxiet mill-Ispetturi Johann J. Fenech u Spiridione Zammit.