Lokali Unjoni Ewropea

Zelensky jirringrazzja personalment lil Roberta Metsola

“Nirringrazzja lill-Unjoni Ewropea li flimkien qed niġġieldu biex l-artijiet Ukreni jibqgħu għand l-Ukreni, filwaqt li nkomplu naħdmu biex naraw li tirrenja l-paċi u s-sigurtà,” qal Zelensky.

Kien dan li qal il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky meta żar il-Parlament Ewropew. Iż-żjara ta’ Zelensky fi Brussell seħħet kważi sena wara l-invażjoni tar-Russja u l-gwerra brutali fil-Lvant tal-Ewropa.

Huwa rringrazzja lill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola tax-xogħol tagħha favur l-Ukreni f’dan iż-żmien diffiċli.

“In-nies jemmnu fir-rebħa li se jkolna fil-futur qarib u dan huwa importanti ħafna biex pajjiżna jkun lura għall-paċi,” qal Zelensky.

Zelensky kompla jgħid li kull persuna tista’ tagħmel differenza fil-ġlieda kontra l-gwerra storika.

“Nirringrazzja b’mod speċjali lil Roberta Metsola tax-xogħol impekkabli li għamilt fl-aħħar xhur,” qal Zelensky. “Għall-ewwel darba fl-istorja l-UE qed tagħti assistenza militari biex tgħin lill-Ukrajna.”

Volodymyr Zelensky qal li l-Ukrajna se tkun parti mill-UE hekk kif tieħu lura l-artijiet kollha tagħha u tirbaħ il-gwerra kontra r-Russja.

“Jekk nibqgħu magħqudin, ir-rebħa tal-Ukrajna fuq l-artijiet tagħha tkun garantita,” temm jgħid Zelensky.