Lokali

Zerafa Civelli ma tweġibx dwar żieda fil-kriminalità f’erba’ lokalitajiet

Lanqas ma twieġeb dwar l-ippjanar ta’ proġetti maġġuri, “Il-fiduċja ġġib il-fiduċja”

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u Membru tal-Kabinett ta’ Robert Abela, Alison Zerafa Civelli, saħqet li l-Prim Ministru tkellem tajjeb ħafna meta qal li ma jafdax lil bintu waħeda fil-Belt Valletta minħabba l-biża’ marbuta mal-kriminalità.

Il-Ħamis waranofsinhar Net News staqsa lil Zerafa Civelli dwar is-sigurtà fil-lokalitajiet Maltin, bis-Segretarju Parlamentari tisħaq li l-ġenituri dejjem se jibżgħu għal uliedhom.  Dan filwaqt li tat x’tifhem li tant kemm kien effettiv id-diskors ta’ Robert Abela li min kien ħati f’inċident wieħed minn diversi…nqabad.

Madanakollu, t-tweġiba ta’ Zerafa Civelli bħal donnu riedet timplika li n-nuqqas ta’ sigurtà fil-Belt Kapitali kienet ikkawżata minn dan il-każ partikulari biss … meta diversi residenti Beltin li tkellmu ma’ Net News tkellmu magħna dwar dak kollu li qed isibu ma wiċċhom, u kemm fil-verità mhux qed iħossuhom siguri.

Iżda għas-Segretarju Parlamentari Robert Abela …. għamel dik l-istqarrija fuq każ wieħed biss.

Mistoqsija dwar il-fatt li skont ċifri maħruġa din il-ġimgħa l-kriminalità f’4 lokalitajiet partikolari jiġifieri Valletta, Bormla, Furjana u Żejtun żdiedet…. il-persuna responsabbli mill-Kunsilli Lokali injorat għal kollox din l-istatistika, u tinsab kuntenta li b’mod ġenerali l-kriminalità fil-pajjiż, skont iċ-ċifri, naqset.

Intant, bħala s-Segretarju Parlamentari responsabbli, Net News staqsa lil Zerafa Civelli jekk il-pjanijiet ta’ proġetti maġġuri futuri hux se jkunu simili għal dawk biswit l-ajruport…deskritti mill-MEP u eks Mexxej Laburista Alfred Sant bħala “ġbejna”.

Iżda hi wieġbet billi sempliċiment ma rrispondietx…u ħarbet ‘l hemm.