Lokali

“Enerġija għall-bnazzi biss” – PN

Minkejja l-ħafna wegħdiet li konna smajna li bil-Power Station tal-Electrogas se jissolvew il-problemi fl-enerġija, il-poplu spiċċa b’Power Station li taħdem biss fil-bnazzi.

Dan ħareġ fi stqarrija tal-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża, Mark Anthony Sammut, hekk kif tkompli li waqt il-maltemp, din ikollha tintefa’ biex it-tanker jinqala’ minn mal-moll minħabba l-periklu li fih, kif ġara proprju f’dawn il-jiem.

Aktar minn hekk, l-Enemalta ilha x-xhur tiffaċċja kriżi fid-distribuzzjoni, hekk kif ħafna nies, ta’ sikwit, qed jispiċċaw bil-vultaġġ tad-dawl jilgħab jew saħansitra bid-dawl maqtugħ għal kollox meta jinstallaw Over & Under Voltage Protection Relay kif titlob il-Liġi.

Dan frott in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura u fin-network tal-elettriku, partikolarment meta wieħed jikkunsidra ż-żieda fil-popolazzjoni u fil-binjiet ġodda.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-ħaddiema u lill-inġiniera tal-Enemalta, li qed iħabbtu wiċċhom ma’ din il-kriżi u li, flimkien mal-poplu, qed iħallsu l-prezz tas-snin li fihom il-prijorità tal-Gvern tal-Labour kienu l-windfarms fil-Montenegro u l-kumpaniji fil-Panama minflok l-investiment li għandna bżonn fis-security of supply, kemm mil-lat ta’ ġenerazzjoni kif ukoll ta’ distribuzzjoni.