L-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni fis-Sirja wara t-terremot tal-bidu tal-ġimgħa kienu temi ewlenin illi ġew diskussi waqt żjara f’pajjiżna mis-Segretarju Ingliż għall-Affarijiet Barranin, James Cleverly. Żjara li matulha Malta u r-Renju Unit iddiskutew ukoll il-kwistjoni tas-sigurta’ fl-Ewropa.
“Kull persuna għandha r-responsabbiltà u d-dmir biex jieħu ħsieb is-sigurtà tal-pajjiż u jipproteġi persuni fil-bżonn,” qal Cleverly.
Waqt l-iffirmar ta’ ftehim ma’ Malta, James Cleverly ġie mistoqsi wkoll dwar l-għajnuna li qed tingħata fid-dawl tat-terremoti li seħħew fl-aħħar jiem.
“Bagħatna tim tal-Protezzjoni Ċivili Brittaniċi li għaddejjin f’ħidma biex isalvaw diversi persuni,” qal Cleverly. “Is-sitwazzjoni fis-Sirja hija ferm iktar ikkumplikata iżda xorta qed inwasslu l-fondi tagħna u se nibqgħu nagħmlu dan.”
Intant, wara l-konferenza għall-midja, is-Segretarju Ingliż James Cleverly flimkien mal-Kummissarju Ingliż għal Malta, Cathy Ward żaru l-monument tal-Assedju l-Kbir, faċċata tal-Qorti fejn iltaqgħu mal-qraba tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u poġġew bukkett fjuri u xemgħa b’tifkira għall-memorja tagħha.