Lokali

Ix-Xandir Nazzjonali jwaħħal fl-interconnector għall-qtugħ tal-elettriku

Wara li għat-tielet jum konsekuttiv reġgħet inqatgħet il-provvista tal-elettirku f’diversi zoni madwar il-pajjiż, ix-Xandir Nazzjonali ħareġ jgħid li l-qtugħ tad-dawl kien dovut għall-meltemp tal-aħħar sigħat.

Iżda ma kienx biss il-Ġimgħa – f’jum San Pawl – li inqata’ d-dawl. Nies li tkellmu ma’ Net News qalulna li fl-aħħar tliet ijiem, il-provvista tal-enerġija inqatgħet xejn anqas minn tliet darbiet; għalkemm tal-Ġimgħa kien l-akbar blackout.

Fuq il-media soċjali, ir-rabja tan-nies għar-rappurtaġġ tal-PBS kienet waħda kbira.

Wieħed mill-kummenti kien ta’ raġel illi saqsa “il-power station tal-gass x’inbniet tagħmel?” U ieħor saqsa, “it-tanker għalxejn qiegħed?”

“Inkompetenza. It-tieni darba f’ġimgħa. Għawdex ġie u reġa’ mar. Qed ikollna ħsarat fl-appliances”. Dawn huma biss uħud mir-ruxmata kummenti li ħallew in-nies taħt l-istorja tax-Xandir Nazzjonali.

Intant, f’lokalitajiet bħaż-Żejtun, in-Naxxar, il-Mosta, Santa Venera u l-Ħamrun, id-dawl dam sigħat maqtugħ.