Knisja Kultura Lokali

RITRATTI: Malta tiċċelebra l-festa ta’ San Pawl Nawfragu

F'din il-festa niftakru li aħna komunità waħda, fejn il-bniedem mhuwiex oġġett

Fil-Belt Valletta, llum qed tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Pawl Nawfragu – festa nazzjonali li ta kull sena tiġi ċċelebrata b’tant għożża mill-poplu kollu għaliex torbot il-kultura ta’ pajjiżna mal-għeruq Kristjani tiegħu.

Dalgħodu fil-Belt saret il-quddiesa pontifikali mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi, u li għaliha attendew fost l-oħrajn il-President ta’ Malta George Vella u l-Kap tal-PN Bernard Grech.

Il-paniġierku tal-festa twassal mill-Kanonku Anton Galea Scanura, li wassal messaġġ b’saħħtu favur il-ħajja, biex bħal Pawlu nwasslu messaġġ ta’ kuraġġ u tama. U fakkar fi kliem il-Papa Franġisku, li rridu niddefendu l-ħajja mill-bidu sat-tmiem.

“Il-bniedem mhux oġġett”, fakkar il-Kanonku Anton Galea Scanura.

Dun Anton semma’ kif qalb l-istorbju tal-ħajja, irridu nibqgħu nisimgħu lil Alla – kif għamel San Pawl. U insista li rridu naħdmu kontra l-kultura tal-egoiżmu u l-indifferenza.

Iċ-ċelebrant tkellem dwar it-theddida tal-gwerra, l-anzjani li jinsabu weħidhom, il-problema tal-faqar u l-isfruttament, il-leħen tal-mara li jkun imsikket, il-problemi li jġib miegħu l-mard, u ħafna aktar. U kien hawn li appella lin-nies miġbura fil-Kolleġjata biex ma jibqgħux spettaturi quddiem dawn l-isfidi, għaliex bħal San Pawl “aħna imsejħin ngħinu lil xulxin bħala komunità waħda”.

Ritratt: Joseph Galea