Wara li l-maltemp sfratta l-maġġoranza tal-konfronti li kellhom jintlagħabu mill-FA Trophy fost il-ġimgħa, is-Sibt jingħata bidu għad-19-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier. M’hemmx dubju li l-konfront l-aktar mistenni huwa dak bejn ir-rivali Ħamrun Spartans u Valletta, aktar u aktar meta dawn it-tnejn kellhom jilagħbu nhar l-Erbgħa fl-FA Trophy bil-partita tkun posposta għall-Erbgħa li ġej.
Ħamrun Spartans vs Valletta | Is-Sibt, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali
Minkejja d-differenza fil-klassifika, b’Ħamrun Spartans jgħoddu l-ġranet biex isiru champions fejn jinsabu fil-quċċata b’49 punt filwaqt li Valletta jinsabu fid-disa’ post b’25 punt, dan il-konfront bejn dawn iż-żewġ rivali kbar tal-futbol Malti dejjem iqajjem interess u dan l-istaġun xejn inqas. Iż-żewġ timijiet kellhom jilagħbu wkoll kontra xulxin nhar l-Erbgħa fir-rawnd tal-aħħar 16 tal-FA Trophy iżda l-logħba ġiet posposta b’ġimgħa u għalhekk l-istennija kompliet tikber biż-żewġ settijiet ta’ sapporters lesti biex jagħtu spettaklu fl-Istadium Nazzjonali. Ftit hemm xi tgħid dwar Ħamrun, li baqgħu igawdu vantaġġ ta’ 11-il punt f’ras il-klassifika meta fl-aħħar ħarġa tagħhom għelbu lil Floriana 1-0 u rreġistraw is-seba’ rebħa konsekuttiva fil-kampjonat. Min-naħa l-oħra Valletta se jkunu ġejjin minn erba’ draws infila fil-kampjonat, bl-aħħar waħda tkun kontra Birkirkara fejn it-tim immexxi minn Thane Micallef kellu prestazzjoni pożittiva ħafna. Fl-ewwel round l-Ispartans għelbu lill-Beltin 1-0 b’gowl fl-ewwel taqsima ta’ ‘Dodo’.
Birkirkara vs Gudja United | Is-Sibt, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Wara tliet rebħiet konsekuttivi, l-Istripes fl-aħħar konfront waqqgħu il-punti kontra Valletta iżda bil-mertu kollu għall-Beltin li lagħbu daqs l-avversarji anke jekk forsi dan l-istaġun huma kwotati inqas minnhom. Birkirkara għandhom bżonn tliet punti minn dan il-konfront konra Gudja sabiex jaċċertaw li jibqgħu weħidhom fit-tielet post hekk kif tliet punti biss warajhom hemm Mosta. Barra minn hekk, it-tim immexxi minn Giovanni Tedesco qiegħed tliet punti biss taħt it-tim fit-tieni post Gżira United li iżda din il-ġimgħa jibdew favoriti kontra Sirens. Gudja min-naħa l-oħra għandhom 27 punt u jinsabu fis-seba’ post bit-tragward Ewropa jidher xi ftit iebes anke minħabba l-fatt li qabilhom minbarra Mosta hemm Hibernians u Balzan. Tedesco se jkollu nieqes lil Yannick Yankam li jinsab sospiż. Il-partita tal-ewwel round bejn dawn iż-żewġ timijiet spiċċat fi draw ta’ 1-1.
Żebbuġ Rangers vs Hibernians |Is-Sibt, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium
Żewġ timijiet b’aspettativi differenti, b’Żebbuġ li qed jipprovaw minn tal-inqas iżommu post għall-play-off tar-relegazzjoni filwaqt li Hibernians jaspiraw li jikkwalifikaw għall-kompetizzjoni Ewropea għall-ħames darba konsekuttiva. Żebbuġ, immexija minn Brian Spiteri spiċċaw fi draw ta’ 1-1 fl-aħħar konfront li kien wieħed dirett kontra Marsaxlokk li jinsabu ħames punti fuqhom. Debutt għall-kowċ Silvio Vella fuq il-bank ta’ Hibernians wara li l-Pawlisti temmew l-avventura ta’ Andrea Pisanu wara t-telfa ta’ 2-1 li sofrew fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra Balzan. It-tim minn Raħal Ġdid issa jrid jaċċerta li taħt l-eks plejer tagħhom Silvio Vella, jibda kapitlu ġdid u jerġa jibda jikseb l-punti qabel ikun tard wisq. Xejn inqas minn rebħa ma tissodisfa lil Hibernians f’dan il-konfront li bl-istess punti daqshom insibu lil Balzan, li fuq il-karta għandhom konfront faċli kontra t-tim mill-qiegħ Pietà Hotspurs. Żebbuġ għandhom sospiżi lil Yanis Tonna u lil Joseph Gesualdi filwaqt li Hibernians għandhom sospiż lil Owolabi Muritala.
Fl-ewwel konfront ta’ bejniethom dan l-istaġun Hibernians kisbu rebħa minima ta’ 1-0 meta dakinhar li kieku Żebbuġ kisbu punt ma kienu jkunu serqu xejn.
Balzan vs Pietà Hotspurs |Il-Ħadd, fil-11:30 fis-Centenary Stadium
Bir-rebħa fl-aħħar konfront kontra Hibernians, Balzan ukoll daħlu fil-ġlieda għal post fil-kompetizzjonijiet Ewropej hekk kif issa laħqu lil Pawlisti bi 30 punt u jinsabu żewġ punti ‘l bogħod mir-raba’ post. Kontra Pietà fuq il-karta tidher logħba faċli pero fil-futbol jista jiġri kollox u għalhekk Balzan għandhom bżonn prestazzjoni bħal tal-ġimgħa li għaddiet biex jaċċertaw mit-tliet punti. Ftit għandna xi ngħidu dwar Pietà, ħlief li jekk forsi f’ċertu logħbiet ma għenithomx il-fortuna jew anke xi deċiżjonijiet arbitrali, fl-aħħar ħarġa tagħhom fil-kampjonat ma ngħataw l-ebda ċans mill-Maroons li rebħulhom 6-0. L-istaġun għall-Hotspurs kompla jkun wieħed diżappuntanti ferm meta nhar l-Erbgħa sfaw eliminati mill-FA Trophy mit-tim taċ-Challenge League San Ġwann b’telfa ta’ 2-0. Pietà jinsabu ankrati fl-aħħar post b’5 punti, sitta taħt Żebbuġ Rangers u meta fadal tmien logħbiet wieħed jista diġa jibda jimmaġinhom jilagħbu fejn kienu l-istaġun li għadda. Sospiż għal din il-logħba huwa l-captain ta’ Balzan Paul Fenech. Fl-ewwel konfront Pietà kienu taw battikata lil Balzan, b’dawn tal-aħħar iżda joħorġu rebbieħa 3-2.
Gżira United vs Sirens | Il-Ħadd, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali
Moral għoli wara rebħa ta’ 6-0 kontra Pietà, bl-aqwa skorer tal-kampjonat l-attakkant Jefferson De Assis jiskorja tripletta, Gżira jinżlu għal din il-logħba determinati li jżommu distakk ma’ ta’ taħthom u jikkonsolidaw it-tieni post. L-avversarji Sirens fil-kampjonat issa ilhom ma jirbħu erba’ logħbiet u jinsabu fl-10 post bi 19-il punt, tmien punti ‘l bogħod miż-żona play-off. It-tim immexxi minn Winston Muscat irid joqgħod ferm attent u jikseb kemm jista jkun punti biex fl-aħħar konfronti ma jsibx ruħu f’kumplikazzjonijiet bla bżonn.
Fl-ewwel round Gżira laħqu l-aspettativi b’rebħa ta’ 3-0.
Santa Lucia vs Marsaxlokk | Il-Ħadd, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Konfront ieħor dirett min-naħa t’isfel tal-klassifika bejn Santa Lucia u Marsaxlokk. Il-ġimgħa l-oħra l-konfront simili bejn Marsaxlokk u Żebbuġ spiċċa fi draw ta’ 1-1 biex b’hekk ma nbidel xejn f’din il-parti tal-klassifika. Marsaxlokk se jkunu qed ifittxu rebħa bit-tama li Hibernians jirbħu lil Żebbuġ u jinqatghu minn magħhom bi tmien punti. Bla dubju li l-Yellows ukoll għandhom bżonn punti massimi minn din il-partita, biex ġa ladarba Żebbuġ jitilfu kontra Hibernians, jiġu daqshom bi 11-il punt. Id-differenza bejn iż-żewġ timijiet hija waħda minima u din dehret fl-ewwel round meta l-logħba spiċċat fi draw ta’ 2-2. Pablo Doffo se jkun mingħajr il-midfielder Christopher Edafe Uzeh li qed jiskonta sospensjoni ta’ tliet logħbiet wara li tkeċċa fl-aħħar logħba kontra Żebbuġ.
Mosta vs Floriana | Il-Ħadd, fl-16:15 fl-Istadium Nazzjonali
Il-logħba li se tagħalq id-19-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier se tkun dik bejn Mosta u Floriana. Mosta s’issa kellhom staġun mill-aqwa u mhux b’kunbinazzjoni li jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika. Din hija logħba kruċjali għall-Mostin li għandhom bżonn minn tal-inqas punt biex jibqgħu mal-ewwel erbgħa iżda preferibilment jiksbu rebħa biex jevitaw li jintlaħqu minn Hibernians jew Balzan. L-avversarji Floriana jinsabu sitt punti taħthom u ftit ftit qed jaraw it-tragward Ewropa jisfuma fix-xejn, anke meta wieħed iqis li minbarra Mosta, Floriana fadlilhom jilagħbu kontra avversarji bħal Gżira United u Balzan. Minkejja li xejn mhu impossibli f’dan l-istadju, il-Greens huwa wieħed mill-inqas timijiet favoriti li jieħu post fl-Ewropa hekk kif wieħed ma jridx jinsa li huma kienu anke eliminati mill-FA Trophy. Fl-ewwel logħba ta’ bejniethom Floriana u Mosta spiċċaw fi draw ta’ 1-1.
//= $special ?>