Xeni li qed ikunu deskritti bħala ħolma kerha. Id-devastazzjoni hija ferm agħar minn dak li wieħed seta’ jaħseb. U fuq in-naħa tas-Sirja, id-diżastru li ħalla warajh it-terremot lanqas tista’ tiddeskrivih bil-kliem.
Ħaddiema tar-Red Cross qed jgħidu li z-zoni milquta fuq in-naħa Sirjana damu ferm aktar biex intlaħqu; zoni li diġa’ sofrew għaxar snin ta’ devastazzjoni minħabba l-gwerra kontra r-reġim ta’ Assad.
L-Aġenzija tar-Refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti qed tindika li fis-Sirja biss…huma madwar ħames miljuni u nofs il-persuni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom kaġun tat-terremot. Apparti minn hekk, huwa stmat li mad-900,000 persuna għandhom bżonn urġenti ta’ provvisti tal-ikel, kemm fis-Sirja u anke fit-Turkija.
Fi żviluppi oħra, sar magħruf illi Malta se tkun qed tibgħat 32 ħaddiem ieħor tal-Protezzjoni Ċivili u 8 volontieri oħra fit-Turkija li se jieħdu post it-32 ħaddiem li marru aktar kmieni din il-ġimgħa, hekk kif huma se jkunu qed jirritornaw pajjiżna fil-jiem li ġejjin.
Dawn il-ħaddiema u l-volontieri ser jagħtu sehemhom fil-ġlieda kontra l-ħin li għaddejja bħalissa, bit-tama li jinstabu aktar nies ħajjin qalb it-tifrik.
Il-ħidma tas-CPD hi konċentrata fit-Turkija, bil-Maltin ikunu ibbażati f’belt ftit ‘il barra minn Gaziantep – fejn inħass l-epiċentru tat-terremot.
Intant, fl-aħħar sigħat komplew ħerġin aktar stejjer meqjusa bħala miraklu; anzjani, tfal u trabi li wara 6 ijiem ittellgħu ħajjin minn qalb it-tifrik.
Fost dawn, tarbija ta’ xahrejn – tifel – illi ġie salvat wara 128 siegha mirdum. Miraklu l-istorja ta’ anzjan ta’ 83 sena li kien ilu maqbud 125 siegha. Salvati wkoll tifla ta’ sentejn, u ġuvni ta’ 16-il sena – ghalkemm it-tfittxijiet qed ikunu imfixxkla mill-kesħa enormi fiz-zoni milquta.
Dan qed ikun meqjus bhala l-aghar dizastru naturali fl-ahhar 100 sena.
//= $special ?>