Lokali Parlament

Appell biex terġa’ tinfetaħ Triq tas-Sejba

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella fil-parlament biex sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fil-junction ta’ quddiem l-ajruport f’Ħal Luqa, għandha terġa’ tinfetaħ Triq tas-Sejba li issa ngħalqet minħabba li ċediet u baqgħu ma sarux ix-xogħlijiet neċessarji.

Fl-Aġġornament tal-parlament Toni Bezzina tkellem dwar id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom in-nies minħabba x-xogħlijiet fit-triq u qal li fil-junction ta’ quddiem l-ajruport qed joħolqu inkonvinjenti, li minkejja li hu inevitabbli, jridu jittieħdu l-prekawzjonijiet biex dan jitnaqqas.

Hu qal li minn wara l-mina ta’ Ħal Kirkop hemm biss tliet toroq minn fejn ir-residenti jistgħu joħorġu u iżda xahrejn ilu l-gvern għalaq Triq tas-Sejba. Dan wara li nofs din it-triq ċediet. Id-deputat Nazzjonalista appella lill-gvern biex jisma’, għaliex din kienet triq li fiha x-xufiera setgħu jgħaddu minnha biex joħorġu minn wara l-mina ta’ Ħal kirkop.

Il-gvern għandu janalizza l-periklu li hemm minħabba li nofs din it-triq hi mibnija fuq il-blat u nofs l-ieħor fuq l-irdim. Hu kompla li ma sarx l-analiżi neċessarju sena ilu minħabba xi ilmijiet li setgħu nħarġu u kkaġunaw il-kollass tat-triq.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern ma qalx x’tip ta’ periklu jeżisti bħalissa u sostna li jekk jittieħdu ċertu deċiżjonijet din it-triq setgħet tkompli tintuża billi tkun irranġata b’mod temporanju sakemm titlesta l-junction ta’ quddiem l-ajruport.

Toni Bezzina kompla li l-Maltin li joqgħodu wara l-mini issa huma mbarrati fi djarhom u appella biex jinstabu soluzzjonijiet bla perikli. Hu appella lill-gvern biex jikkunsidra sew din is-sitwazzjoni għaliex qed toħloq inkonvinjenti kbar għar-residenti.