Ħamrun Spartans FC nedew formalment il-pjattaforma soċjali tagħhom, Ħamrun Ħanin, li se tkun qed tfittex li tuża l-opportunitajiet li joffri l-isport biex tikkontribwixxi lejn żvilupp pożittiv fis-soċjetà ta’ madwarna.
Ħamrun Ħanin twaqqfet bħala entità indipendenti bi strutturi ta’ governanza formali biex ikun żgurat trasparenza u kontabilità. Għal dawn l-aħħar tnax-il xahar din l-organizzazzjoni diġà organizzat għadd ta’ attivitajiet li fihom indirizzat temi bħad-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tat-tfal u tal-ambjent fil-komunità lokali u lil hinn. Riċentement, ġiet approvata bħala Organizzazzjoni Volontarja mill-OCVO.
Ħamrun Spartans FC issa daħlu fi ftehim formali ma’ Ħamrun Ħanin biex ikun possibbli li filwaqt li din tal-aħħar iżżonn l-indipendenza amministrattiva tagħha, tkun tista’ tipprovdi pjattaforma li permezz tagħha l-Klabb jista’ jagħmel differenza mhux biss fil-grawnd iżda lil hinn.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Ħamrun Spartans FC Marcel Bonnici spjega li l-Klabb irid jkikber fi tliet dimensjonijiet, dik sportiva, kummerċjali kif ukoll soċjali. Huwa spjega li permezz ta’ dawn l-inizjattiva, il-Ħamrun Spartans qed ikun aktar minn klabb tal-football: “Aħna rridu nużaw il-pjattaforma soċjali tagħna biex insaħħu l-komunitajiet ta’ madwarna. Il-kelma ‘Flimkien’ tirrappreżenza l-mod tagħna ta’ kif nagħmlu l-affarijiet. Nemmnu f’Viżjoni waħda, Komunità waħda u Ħamrun wieħed. Dan hu għaliex għażilna l-motto ta’ Winning Together – Nirbħu Flimkien”.

Iċ-Chairman ta’ Ħamrun Ħanin Ian Debattista spjega li din l-organizzazzjoni volontarja twieldet b’żewġ oġġettivi. L-ewwel waħda biex jinxteħet aktar dawl fuq it-tant tajjeb li jsir fil-Ħamrun, lil hinn mill-isterjotipi li ta’ spiss jintużaw meta tissemma’ din il-komunità, li fil-verità fiha tant persuni li dejjem huma lesti li jgħinu lil xulxin meta hemm bżonn. It-tieni, Ħamrun Ħanin għandha l-għan li tagħmel l-aħjar użu minn dak l-element wieħed li jgħaqqad lil kulħadd – il-futbol – biex ikun żgurat li ħadd ma’ jibqa’ lura.
Ħamrun Ħanin se tkun qed tiffoka l-attivitajiet tagħha madwar sitt pilastri strateġiċi li huma d-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tat-tfal, l-ambjent, is-solidarjetà, id-diversità u l-inklużjoni u s-saħħa u l-benesseri. Ħamrun Ħanin diġà bniet numru ta’ kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet oħra fil-gżira, fosthom CSR Malta, li jippermettulha twessa’ r-raġġ ta’ ħidma tagħha. Fl-ewwel xhur ta’ eżistenza tagħha, Ħamrun Ħamin organizzat għodwa sportiva għal tfal Ħamruniżi u refuġjati Ukreni, taħriġ fis-saħħa mentali għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-isport, żjajjar ta’ plejers fi skejjel u djar tal-anzjani, u ġabret fondi għal organizzazzjonijiet ta’ karità, fosthom Dar Bjorn, Foodbank Malta u Puttinu Cares.
Ħamrun Ħanin qed taħdem ukoll ma’ kumpaniji kummerċjali li jistgħu jgawdu mill-viżibilità li tingħata lil dawn l-avvenmenti filwaqt li jgħinu lil din il-VO tilħaq l-għanijiet tagħha u numru akbar ta’ persuni vulnerabbli fil-komunità tagħna.
//= $special ?>