Futbol Sport

Ħamrun Spartans jirbħu lir-rivali Valletta b’gowl fl-ewwel taqsima ta’ Elvis Mashike

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S…………1

VALLETTA………..0

Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg, E. Marcelina, O. Bjelicic, R. Camenzuli, J. Mbong (J. Soares 58’), J. Corbalan, M. Guillaumier, R. Prsa (R. Callegari 80’) J. Robert (E. Bruno 58’), E. Mashike (K. Holmberg 80’)

Valletta: C. Formosa, E. Ruiz, A. Zammit (N. Soares 57’), S. Dimech, E. P. Beltre, F. Falcone (W. Jebor 57’), B. Paiber, J. Willy (R. Muscat 46’), J. Nnomo, B. Kamdem, K. Bevis

Imwissija: J. Corbalan 23’, J. Robert 41’, J. Soares 65’, E. Bruno 70’ (Ħ), J. Willy 32’ (V)

Skorja: E. Mashike 19’ (Ħ)

Referee: Glen Tonna

Assistenti Referees: Duncan Spencer u Paul Apap

BOV Plejer tal-Logħba: Matthew Guillaumier (Ħamrun Spartans)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Brandon Paiber (Valletta)

Ħamrun Spartans kisbu t-tmien rebħa konsekuttiva fil-kampjonat meta b’gowl fid-19-il minuta ta’ Elvis għelbu lil Valletta fl-ewwel konfront minn tnejn fi spazju ta’ erbat ijiem hekk kif iż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu nhar l-Erbgħa għal-logħba tal-FA Trophy.

Ħamrun mill-ewwel ħadu l-kontroll tal-logħba u għal ħinijiet twal żammew lill-avversarji fin-nofs tagħhom bl-ewwel xutt jasal wara 11-il minuta minn Jonny li iżda l-konklużjoni tiegħu tkun waħda ċentrali u faċli għal Formosa.

Minuta wara Ħamrun għal darb’oħra perikolużi u minn azzjoni veloċi Jonny għadda lejn Mbong b’dan tal-aħħar jittanta xortiħ minn qagħda angolata b’Formosa jilqa’ b’id waħda qabel mad-difiża tajjret il-periklu.

Valletta ħelsuha ħafif fis-17-il minuta meta Corbalan niżżel bir-ras lejn Guillaumier li minn tarf il-kaxxa prova mill-ewwel ix-xutt li wara li kien devjat ħabat mal-wieqfa, biex mir-rebound Mbong tefa’ barra.

Għaddew biss żewġ minuti u Ħamrun marru fil-vantaġġ meta Elvis Mashike approfitta minn żball kardinali ta’ Bradley Kemdem li qassam ħażin fil-kaxxa, bl-attakkant Ħamruniż jieħu l-ballun u b’xutt mill-viċin skorja t-tnax-il-gowl tiegħu fil-kampjonat.

Fis-26 minuta żball ieħor difensiv minn Valletta meta Nnomo dam wisq bil-ballun f’tarf il-kaxxa sakemm seraqulu Jonny li għadda lejn Prsa bil-Kroat jgħaddi lejn Guillaumier li prova xutt fil-baxx iżda sab lil Formosa attent li laqa’ b’diffikultà u tajjar il-periklu.

Ħamrun baqgħu jikkontrollaw il-partita għalkemm Valletta tjiebu xi ftit fil-logħob tagħhom, u l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima baqa’ dak ta’ 1-0 favur il-leaders tal-kampjonat.

L-ewwel azzjoni perikolża fit-tieni taqsima waslet wara biss tliet miuti meta minn korner ta’ Guillaumier kien id-difensur Bjelicic li għola fuq kulħadd iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit ċentimetri ‘l bogħod mil-lasti ta’ Formosa.

Fis-67 minuta Valletta marru viċin fejn kien korner tas-sostitut Soares li sab lil Enzo Ruiz li d’daqqa ta‘ ras tiegħu għaddiet ftit barra b’Henry Bonello deher xi ftit maħsud.

Azzjoni tajba oħra minn Valletta fis-77 minuta fejn Rowen Muscat għadda lejn Shaun Dimech li qabeż avversarju u daħal fil-kaxxa u prova xutt b’saħħtu li għadda ftit barra.

Minkejja l-isforzi tal-Beltin, Ħamrun żammew il-vantaġġ minimu sat-tisfira finali u kienu huma li ħadu tliet punti li jkomplu jressquhom viċin id-disa’ titlu fl-istorja tagħhom.

(Ritratt: Joseph Galea)