Lokali Mużika

Illejla l-finali tal-Malta Eurovision Song Contest u Festival di Sanremo

Illejla l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qiegħed jagħżel flimkien ma’ membri tal-ġurija min se jkun qiegħed jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest f’Liverpool f’Mejju li ġej.

Is-Sibt filgħaxija 16-il kanzunetta se jkunu qed iħabbtuha kontra xulxin fuq il-palk tal-Malta Eurovision Song Contest fl-MFCC Ta’ Qali bil-għan li jikkwalifikaw u jirrappreżentaw lil pajjiżna fis-67 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, festival mużikali segwit minn miljuni minn madwar id-dinja.

Tul dawn l-aħħar għaxar edizzjonijiet tal-Eurovision Song Contest l-ogħla żewġ pożizzjonijiet li pajjiżna kiseb kien fl-2013 bil-kanzunetta Tomorrow kantata minn Gianluca Bezzina hekk kif iklassifikat fit-8 pożizzjoni b’120 punt,u Je Me Casse fl-2021 fejn b’255 punt iklassifikat fis-7 post.

L-ogħla pożizzjoni li pajjiżna kiseb f’dan il-festival kien it-tieni post, darbtejn. Lura fl-2002 bil-kanzunetta 7th Wonder kantanta minn Ira Losco, u fl-2005 b’Angel, kantata minn Chiara,

l-istess kantanta li lura fl-1998 iklassifikat fit-tielet post bil-kanzunetta The One That I Love – l-istess pożizzjoni li kisbet il-kantanta Mary Spiteri fl-1992 bil-kanzunetta Little Child.

Fl-aħħar 10 edizzjonijiet Malta falliet milli tgħaddi għal finali tal-Eurovision Song Contest 4 darbiet filwaqt li fl-istorja tal-festival iklassifikat l-aħħar fil-finali 3 darbiet.

Illejla mhux biss se jkun hemm il-finali tal-Malta Eurovision Song Contest iżda se jkun hemm ukoll il-finali tal-Festival ta’ Sanremo bir-rebbieħ ukoll se jkun qiegħed jirrappreżenta lill-Italja fil-Eurovision Song Contest…bil-favorit huwa l-kantant Marco Mengoni bil-kanzunetta Due Vite.