Arsenal, il-leaders attwali tal-Premier League, komplew jitilfu l-punti wara li spiċċaw miżmuma fi dro, 1-1, minn Brentford fl-Emirates Stadium. Ir-riżultat ifisser li l-Gunners kisbu punt wieħed biss mill-aħħar żewġ konfronti tal-kampjonat u b’hekk taw ċans ieħor lit-tieni tim, Manchester City, biex inaqqsu d-distakk b’rebħa, illum, kontra Aston Villa.
Brentford, li qed ikollhom staġun tajjeb ħafna, irnexxielhom irażżnu lill-attakkanti ta’ Arsenal fl-ewwel 45 minuta u anki laqtu l-lasta minn Ivan Toney qabel il-mistrieħ.
Iżda fit-tieni taqsima, il-Gunners għamlu ‘breakthrough’ meta s-sostitut Leandro Trossard (66), li kien ilu fil-grawnd biss għal erba’ minuti, skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ Arsenal meta xeħet ġewwa mill-viċin wara taħwida quddiem il-lasta tal-gowlkiper Raya.
Intant, il-Bees kisbu parità mistħoqqa bid-daqqa ta’ ras ta’ Toney (74) wara li rċieva mingħand Christian Norgaard – bil-gowl ikun ikkonvalidat wara evalwazzjoni fit-tul bil-VAR. Dan kien l-aħħar gowl tal-logħba, bi Brentford jirreżistu għal kull tentattiv ta’ Arsenal biex jiksbu t-tliet punti u issa kulħadd qed jistenna l-konfront ‘top table’ tal-15 ta’ Frar bejn il-Gunners u Man City.
L-eks-plejer ta’ Chelsea Emerson Palmieri kiseb punt għal West Ham United meta skorja l-gowl tad-dro għall-Hammers kontra l-Blues f’derby ieħor ta’ Londra li fetaħ il-programm tal-logħob għal tmiem il-ġimgħa.
Ir-riżultat xejn ma ssodisfa lil Chelsea li għadhom kemm nefqu l-mijiet tal-miljuni Sterlina fuq diversi plejers ġodda u meta huma jinsabu fid-disa’ post tal-klassifika – b’distakk konsiderevoli mat-tims fit-Top 4 tal-Premier League.
Joao Felix (16) poġġa lil Chelsea fil-vantaġġ b’volley stupend u wara li l-attakkant Portugiż kellu ‘gowl’ ieħor imħassar għal offside. Kai Havertz ukoll kellu ‘gowl’ ieħor imħassar qabel wasal id-dro għall-Hammers meta Palmieri sab ix-xibka minn angolu diffiċli wara azzjoni bejn Coufal u Bowen.
Chelsea – li tilfu 14-il punt mill-aħħar seba’ logħbiet – minn dak il-ħin fallew f’kull tentattiv għat-tieni gowl u fid-89 minuta, is-sostitut ta’ West Ham Tomas Soucek anki kellu gowl imħassar fuq konsultazzjoni mal-VAR u wara li spiċċa millimetrikament f’pożizzjoni rregolari.
Nathan Jones hu l-favorit mal-bookmakers li jitkeċċa minn manager ta’ Southampton wara li s-Saints tilfu f’darhom, 1-2, ma’ Wolverhampton Wanderers u minkejja li huma kienu ilhom mis-27 minuta jilgħabu kontra għaxar plejers wara t-tkeċċija ta’ Mario Lemina.
Carlo Alcaraz (24) kien laħaq għamel l-iskor 1-0 għas-Saints ftit qabel it-tkeċċija iżda fit-tieni taqsima kollox beda ġej ħażin għall-‘home team’ bid-doċċa kiesħa tasal fit-72 minuta meta Jan Bednarek għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess wara ‘deflection’ fuq ix-xutt ta’ Adama Traore.
U tliet minuti mit-tmiem, Joao Gomes, li ngħaqad ma’ Wolves ftit tal-ġimgħat ilu, kiseb it-tliet punti għat-tim mill-Black Country meta spara ġewwa minn tarf il-kaxxa għall-gowl tar-rebħa.
Crystal Palace u Brighton and Hove Albion ħadu punt kull wieħed (1-1) minn logħba pjuttost monotona f’Selhurst Park – bis-Seagulls jagħmlu pass ħażin rari wara l-aħħar riżultati inkoraġġanti li qawwitilhom qalbhom li jikkwalifikaw għal kompetizzjoni Ewropea fl-istaġun li ġej.
Kienu Brighton li fetħu l-iskor meta Solly March (63) sab ir-rokna tax-xibka wara li rċieva mingħand Estupinan – iżda Palace kisbu d-dro sitt minuti biss wara meta l-gowlkiper Robert Sanchez ma żammx il-ballun fuq il-kross ta’ Michael Olise u b’James Tomkins ma jiżbaljax bir-ras mill-viċin.
Fulham telgħu s-seba’ fil-klassifika b’rebħa tajba, 2-0, fuq Nottingham Forest fis-City Ground. Il-Cottagers fetħu aggressivi u fis-17-il minuta Willian għeleb lil Jesus Navas b’xutt bid-dawwra għall-1-0 — b’Fulham, imbagħad, jitilfu aktar ċansijiet ta’ skor minn Mitrovic, De Cordova-Reid u Pereira.
Fit-tieni taqsima, Fulham laqtu l-lasta darbtejn minn Willian u Pereira iżda żewġ minuti mit-tmiem, l-attakkant Iżraeljan Manor Solomon għalaq kull diskors bit-tieni gowl għal Fulham li hu wkoll l-ewwel wieħed personali tiegħu mindu ngħaqad mal-klabb mingħand Shakhtar Donetsk.
Leicester City umiljaw lil Tottenham, 4-1, fil-King Power Stadium – b’dan ir-riżultat jista’ jitqies bħala sorprendenti wara li l-Foxes kienu marru minn taħt wara biss 14-il minuta, grazzi għall-opportuniżmu ta’ Rodrigo Betancur.
Intant, dan il-gowl ta spinta akbar lil Leicester li skurjaw darbtejn – fi spazju ta’ tlett minuti – minn Nampalys Mendy (23) u James Maddison (25) — u bi Spurs, minn dak il-ħin jispiċċaw maħsuda u demoralizzati, tant li Iheanacho kompla jkabbar l-iskor għall-Foxes fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima.
Ir-reazzjoni ta’ Spurs kienet ineżistenti fit-tieni 45 minuta u wara li Harvey Barnes kellu ‘gowl’ imħassar mill-VAR, il-winger ta’ Leicester (81) kellu l-aħħar daħka meta, għaxar minuti wara, għaqqad il-poker għall-Foxes fuq is-suġġeriment ta’ Maddison.
//= $special ?>