Lokali

“Sitwazzjoni diżgustanti, perikoluża u tal-biki” – Drenaġġ inixxi fi triq prinċipali fil-Fgura

“Din hija sitwazzjoni perikoluża kemm għalina kif ukoll għal uliedna, hija tal-biki iżda wisq aktar diżgustanti li biex taqsam minn bankina għal oħra trid litteralment tgħaffeġ fi ħmieġ ħaddieħor.”

Sostnew dan residenti mill-Fgura hekk kif fi Triq Ħaż-Żabbar ma’ Triq ir-Rihan jidher li żviluppat xi ħsara fi sprall tad-drenaġġ, possibilment kawża tal-maltemp li pajjiżna esperjenza fl-aħħar jiem.

Persuna oħra li tkellmet ma’ Net News spjegat li tifhem li l-maltemp ikkawża diversi ħsarat madwar il-pajjiż kollu, madanakollu ma tistax tifhem kif ilha aktar minn ġurnata tiprova twettaq kuntatt mal-awtoritajiet responsabbli u ħadd ma huwa qiegħed jagħtiha widen.

Hija spjegat li din hija sitwazzjoni degradanti għall-aħħar kif fl-2023 ma tista’ ssib għajnuna minn imkien minn naħa tal-awtoritajiet u waqt dan il-ħin kollu d-drenaġġ għadu jfur…u b’dak kollu li wieħed jista’ jimmaġina li jġib miegħu joħroġ u jitkaxkar għan-nofs ta’ triq.