Ġie żvelat mill-Palazz ta’ Buckingham, il-logo uffiċjali għall-inkurunazzjoni tar-Re Karlu III, li għandu jidher fi street parties, fuq il-midja soċjali u s-souvenirs ufficjali.
Il-logo inħoloq minn Sir Jony Ive, magħruf għad-disinji innovattivi tiegħu għall-gadgets tal-Apple.
Dan il-logo juri xbieha aktar tradizzjonali, bi fjuri jiffurmaw il-forma tal-kuruna ta’ San Dwardu użata fl-inkurunazzjoni. Id-disinn tal-fjuri – li huma emblemi minn madwar ir-Renju Unit – jenfasizza “l-ottimiżmu tar-rebbiegħa” u jirrifletti l-imħabba tar-Re għan-natura.
Dan huwa kuntrast mad-disinn qawwi ħafna tat-timbri l-ġodda tar-Re Karlu żvelati din il-ġimgħa, li m’għandhomx kuruna jew dekorazzjoni.
Il-logo huwa l-aħħar dettall li jiġi żvelat miċ-ċelebrazzjonijiet ippjanati biex jimmarkaw l-inkurunazzjoni, li se ssir f’Westminster Abbey fis-6 ta’ Mejju li ġej.
Il-ġurnata se tinkludi korteo u d-dehra tradizzjonali mill-gallarija tal-Palazz ta’ Buckingham, għalkemm għadu mhux magħruf min se jattendi – bl-ebda konferma s’issa jekk id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex humiex se jkunu prezenti.
Il-Ħadd 7 ta’ Mejju ser ikun hemm kunċert mużikali u spettaklu ta’ dwal fil-Kastell ta’ Windsor.
//= $special ?>