“Flimkien, aħna nistgħu nkunu kollox”. Dan kien il-qofol tad-diskors li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta indirizza l-Kunsill Ġenerali bit-tema ‘politika ta’ fiduċja u tama’.
Huwa qal li minn meta sar Kap tal-PN sar parti minn familja ikbar u li ta’ kuljum ħadem u għadu qed jaħdem sabiex din il-familja tkompli tissaħħaħ u tkompli tikber.
Bernard Grech qal li dawk kollha li huma parti mill-PN għazlu li jkunu Nazzjonalisti biex jagħmlu l-ġid għal ħaddieħor. Saħaq li ta’ kuljum se jibqa’ determinat biex jieħu l-aħjar deċiżjoijiet għall-PN hekk kif b’Partit Nazzjonalista b’saħħtu biss jista’ jsir iktar ġid għal dan il-pajjiż.
Il-Kap tal-pN qal li kulħadd għandu obbligu biex jaħdem u jagħti tama lin-nies u l-Partit Nazzjonalista jkun iktar onest man-nies.
Huwa għamel referena għall-politiċi li għadhom qed jisirq lill-pajjiż… politiċi li ħatfu l-istituzzjonijiet… u quddiem dan kollu l-poplu jrid li jkollu futur aħjar.
Il-Kap tal-PN tenna l-importanza li kulħadd jiġbed ħabel wieħed u jaħdem verament minn qalbu sabiex l-Maltin u l-Għawdxin kollha jkollhom dak li verament jixirqilhom.
Bernard Grech qal li l-Gvern Laburista qed jaħkem lil kulħadd bil-flus u huwa għalhekk li l-PN irid ikun iktar determinat fejn lin-nies jiffrilhom l-opportunitajiet kollha li jinħtieġu u ċ-ċertezza li jkollhom Gvern aħjar.
Semma kif l-istazzjon nazzjonali huwa maħtuf mill-Gvern ta’ Robert Abela fejn saħanistra ċċensura lill-President ta’ Malta George Vella meta tkellem dwar l-abort.
Bernard Grech qal li sfortunament l-perċezzjoni għadha li l-PN mhux magħqud biżżejjed u huwa għalhekk li jrid jispiċċa s-sens ta’ dubju li jeżisti. Saħaq li minn meta nħatar kap tal-PN mal-ewwel beda jaħdem sabiex il-PN ikun iktar organizzat… iżda l-ħidma trid tibqa’ għaddejja u ma tieqaf qatt.
Lejn tmiem tal-Kunsill Ġenerali kien approvat b’mod unanimu d-dokument ta’ dan il-Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Politika ta’ fiduċja u tama’.
//= $special ?>