Futbol Sport

Gżira United jikkonsolidaw it-tieni post b’rebħa minima fuq Sirens

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rowen Camilleri

GŻIRA U………..1

SIRENS…………0

Gżira U: D. Zarkov, G. Bohrer, L. Tabone, N. Muscat, S. Pisani (J. Mendoza 62’), Z. Scerri, M. Dias, T. Kolega, M. Cosic, M. Maia (L. Ribeiro 72’), J. De Assis

Sirens: M. Grech, K. Sano, R. Tachikawa, A. Borg, A. Vaikainah, P. Bento, I. Kolev, D. Jackson, S. Sessegnon, A. Vella (A. Cini 78’), J. Walker

Imwissija: M. Cosic 10’, Z. Grech 53’, L. Tabone 90+3’ (G), S. Sessegnon 30’, A. Vaikainah 88’ (S)

Skorjaw: M. Maia pen 7’(G)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Duncan Sultana u Edward Spiteri

BOV Plejer tal-Logħba: Maxuell Maia (Gżira United)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Matthew Grech (Sirens)

Gowl fl-ewwel taqsima minn penalty ta’ Maxuell Maia kien biżejjed biex Gżira ħadu tliet punti oħra u r-raba’ rebħa konsekuttiva fil-kampjonat. Min-naħa l-oħra għal Sirens din kienet ir-raba’ logħba mingħajr rebħa, bi tliet telfiet u draw mill-aħħar erba’ ħarġiet.

Wara biss minuta Gżira urew l-intenzzjonijiet tagħhom meta minn kross ta’ Kolega kien l-aqwa skorer tal-kampjonat Jefferson De Assis li bir-ras impenja lil Matthew Grech li kellu jilqa’ f’żewġ tentattivi.

Fir-raba’ minuta Gżira jingħataw penalty għal foul ta’ Adrian Borg fuq Jefferson De Assis. Mill-11-il metru kien Maxuell Maia li tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka b’dan ikun il-11-il gowl tiegħu fil-kampjonat.

Fit-42 minuta Matthew Grech wettaq save mill-isbaħ meta mnn korner ta’ Steve Pisani, id-difensur Luke Tabone għola tajjeb bir-ras iżda sab lill-goalkeeper ta’ Sirens attent u laqa’ tajjeb fil-ħin.

Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima u Gżira jidħlu jistrieħu fil-vantaġġ.

L-ewwel azzjoni perikoluża fit-tieni taqsima waslet minn Gżira meta l-goalkeeper ta’ Sirens inqabad barra u Maxuell Maia prova jqabbiżlu minn barra l-kaxxa b’Matthew Grech ikollu jdawwar b’diffikultà f’korner.

Il-goalkeeper ta’ Gżira kien impenjat serjament fit-82 minuta meta minn free-kick dirett ta’ Bento l-ewwel xutt ħabat mal-barriera, bil-ballun jerġa’ jiġi għand il-plejer Brażiljan li din id-darba x-xutt b’saħħtu kien milqugħ b’abiltà kbira minn Zarkov li żamm lil Maroons fil-vantaġġ.

Il-logħba ma kellha xejn x’toffri aktar u sat-tisfira finali l-iskor baqa’ dak ta’ 1-0 favur Gżira United li minkejja li segwiti minn Birkirkara, żammew tliet punti vantaġġ fuqhom fit-tieni post.