Iċ-ċifri tal-imwiet relatati mal-Armata tar-Russja għal dan ix-xahar huma l-ogħla milli qatt kienu mill-ewwel ġimgħa tal-invażjoni tal-Ukrajna. Dan ħareġ mid-data provduta mill-Ukreni u li tindika li mat-850 suldat Russu qed imutu kuljum mill-bidu ta’ dan ix-xahar.
Filwaqt li ċ-ċifri ma setgħux ikunu verifikati b’mod indipendenti, il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit qal – wara li bbaża fuq sorsi mhumiex identifikati – li ‘l-istatistika provduta mill-Ukreni kapaċi tkun preċiża’.
Sadanittant, ir-Russja għadha qed tħejji għal offensiva kbira oħra fuq l-ibliet Ukreni li qed jirreżistu l-invażjoni u li kapaċi tibda fl-24 ta’ Frar – l-anniversarju ta’ meta t-truppi tal-Kremlin qasmu mill-fruntiera tal-Ukrajna.
Fil-fatt, xi politiċi lokali, fosthom il-Gvernaturi ta’ Luhansk u Donetsk, qed jgħidu li l-offensiva bdiet diġà u meta fil-preżent qed tkompli l-battalja qalila għall-kontroll ta’ Bakhmut, lejn il-lvant tal-Ukrajna u li r-Russi jridu jieħdu akkost ta’ kollox għal raġunijiet loġistiċi.
Fl-aħħar sigħat, il-grupp ta’ merċenarji bl-isem Wagner – magħruf bħala l-Armata Privata tal-President Russu Vladimir Putin – qal li l-ġellieda tiegħu ħatfu l-kontroll fiz-zona residenzjali ta’ Krasna Hora, fil-limiti ta’ Bakhmut.
Il-Kap tal-Wagner, Yevgeny Prigozhin – li hu qrib ħafna ta’ Putin – bagħat messaġġ fejn, f’isem il-ġellieda tiegħu, ħa l-mertu sħiħ għall-allegat suċċess militari waqt li prova jimminimizza r-rwol tal-Armata regolari tar-Russja.
Hu stqarr li kien hemm biss ġellieda tal-Wagner f’dik iz-zona fost it-tensjoni kbira li nibtet bejn il-merċenarji u l-militar ta’ Moska – bil-Ministeru tad-Difiża Russu qed jikkuntesta kontinwament dawn it-tipi ta’ stqarrijiet.
//= $special ?>