Il-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, ikkonferma li l-ajruplani militari mill-ġdid waqqgħu oġġett ieħor mhux identifikat li kien għaddej mill-ispazju tal-ajru tal-Amerika ta’ Fuq.
Intant, ftit tal-ħin ilu, l-Istati Uniti żvelat il-possibbiltà li l-oġġett kien bużżieqa oħra taċ-Ċina li allegatament kienet qed tintuża għal spjunaġġ fuq is-siti sensittivi fl-inħawi. Għalissa mhemm l-ebda verifika konkreta dwar din it-teorija.
Trudeau spjega li l-oġġett –jew inġenju – partikulari ‘abbuża l-ispazju tal-ajru tal-Kanada’ u b’konsegwenza ta’ dan spiċċa mwaqqa fiz-zona ta’ Yukon, lejn il-majjistral tal-Kanada.
Kien proprju fighter-jet Amerikan tat-tip F-22 li ‘elimina’ l-oġġett wara li telgħu l-ajruplani militari tal-Istati Uniti u l-Kanada biex isegwu l-movimenti tal-inġenju…Movimenti li dehru ftit jew wisq suspettużi.
Dan kien it-tielet oġġett tal-ajru li spiċċa mwaqqa’ – fi spazju ta’ ġimgħa — waqt li kien għaddej mill-ispazju tal-ajru tal-Amerika ta’ Fuq.
Il-militar Amerikan, ġimgħa ilu, qered bużżieqa kbira (airship) taċ-Ċina li kienet ilha żmien f’zona tal-ajru projbita u bl-istess militar, sigħat ilu, iwaqqa’ oġġett ieħor mhux speċifikat ‘il hinn mill-Alaska.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Trudeau ikkonferma li ħareġ direttiva personali biex l-ajruplani jwaqqgħu ‘l-oġġett mhux identifikat’ u li hu kien iddiskuta s-sitwazzjoni mal-President tal-Istati Uniti, Joe Biden.
Il-qawwiet Kanadiżi, issa, qed jirkupraw u janalizzaw il-fdalijiet tal-‘aħħar oġġett’ li kien interċettat waqt li kien għaddej fuq iċ-ċentru ta’ Yukon.
L-azzjoni li eliminat lill-oġġett, fil-fatt, kellha seħħ xi 100 mil ‘il bogħod mill-fruntiera Kanadiża mal-Istati Uniti, bl-awtoritajiet jgħidu li l-oġġett ‘kien qed jimponi theddida realistika għall-avvjazzjoni ċivili’.
//= $special ?>