Lokali

“Il-PN għandu dmir u dover lejn il-poplu kollu..u mhu se jaqta’ qalbu qatt ” – Graham Bencini

“It-tema ‘Politika ta’ Fiduċja u Tama’ hija tema li tolqot ir-realtajiet li għandna f’pajjiżna, għaliex hemm barra n-nies tilfu kemm it-tama u kif ukoll il-fiduċja, partikolarment il-fiduċja fil-politika.”

Qal dan il-membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Isport u x-Xandir Nazzjonali Graham Bencini waqt li kien qed jagħmel id-diskors tiegħu fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali.

Huwa qal li l-kollass tal-istituzzjonijiet, l-isfreġju ambjentali, nuqqas ta’ spazji miftuħa, kostruzzjoni bla rażan, tniġġiż tal-arja, nuqqas ta’ setturi ekonomiċi ġodda, xandir pubbliku maħkum mill-gvern u traffiku fost oħrajn huma raġunijiet għala l-maġġoranza ta’ żgħażagħ f’pajjiżna ma jarawx tama u jfittxu li jmorru jgħixu ‘l barra minn xtutna.

L-għoli tal-ħajja, il-korruzzjoni u l-kwalita’ tal-ħajja huma t-tlett problemi li l-gvern ma jridx jindirizza sostna Graham Bencini.

“It-triq quddiemna hija iebsa. Mhix waħda faċli għalina bħala partit fl-oppożizzjoni u mhix faċli għaliex l-avversarju politiku tagħna, il-gvern Laburista, għandu fondi kemm irid, għandu maġġoranza enormi fil-parlament, tant li jista’ jgħaddi anke dawk il-liġijiet li huma anti-demokratiċi, u għandu l-meżżi kollha tax-xandir f’idejh inkluż ix-xandir pubbliku fejn l-unika ħaġa li hemm pubbliku huwa l-fatt li huwa ffinanzjat mill-pubbliku.” saħaq Graham Bencini.

Huwa temm jgħid li iebsa kemm hija iebsa t-triq tal-Partit Nazzjonalista, il-partit mhu se jaqta’ qalbu qatt. Il-Partit Nazzjonalista għandu dmir u dover lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dmir li jħaddan politika fejn ipoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika. Politika għal ambjent aħjar, fejn jikkrea setturi ekonomiċi ġodda u politika li tindirizza l-problemi tal-faqar. Politika li tikkrea kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kull wieħed u waħda minna.