“Nhar it-8 ta’ Marzu li ġej ngħalqu l-għaxar anniversarju ta’ gvern Laburista. Għaxar snin fejn il-Labour ħammeġ, kerrah u biegħ lil Malta.”
Sostna dan il-membru parlamentari Nazzjonalista u Kelliem għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Infrastruttura Ryan Callus waqt li kien qed jindirizza l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali.
Huwa saħaq “Dan il-partit li fetaħ il-bibien fl-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea mhuwiex kontra l-barranin. Anzi aħna nemmnu li l-barranin għandhom jiġu Malta, nuruhom l-identita’ u l-kultura tagħna…pero’ kontra li naraw żieda fil-popolazzjoni tagħna b’mitt elf, mingħajr ma jkollna pjan.”
F’dawn l-aħħar għaxar snin rajna l-pajjiżna jniżżel ismu fl-abissi tal-ħmieġ, bil-korruzzjoni, bil-powerstation u l-għoli tal-ħajja u quddiem dan kollu Robert Abela huwa ċass u kwiet.
Ryan Callus jemmen li il-Partit Nazzjonalista għandu jagħti politika li toffri kwalita’ ta’ ħajja aħjar bil-ħolqien ta’ infrastruttura ħadra li tipprepara lil dan il-pajjiż għall-futur, il-ħolqien ta’ ekonomija li toħloq il-kompetizzjoni u l-profitti u joħloq soċjeta’ ħanina li tħoss għall-bgħatut, li twieżen u tgħinu jqum fuq saqajh u jsir indipendenti.
“Din hija Malta nadifa u sabiħa li nemmen li Partit Nazzjonalista għandu jikkrea u din hija l-politika ta’ fiduċja u tama li dan il-partit u l-pajjiż għandu bżonn.” temm jgħid Ryan Callus.
//= $special ?>