Lokali

“Il-PN se jkompli jaħdem id f’id biex jagħti fiduċja lill-poplu” – Alex Borg

“Jeħtieġ azzjonijiet biex inkomplu nirriformaw u ntejjbu fejn hemm bżonn, biex ikollna aktar vuċi soda sabiex il-messaġġ tagħna jasal aħjar u għand aktar nies.”

Hekk sostna l-membru parlamentari Nazzjonalista u Kelliem għal Għawdex Alex Borg waqt l-intervent tiegħu fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali.


Dak kollu li qed jiġri f’pajjiżna u li rajna jiġri tul dawn l-aħħar snin taħt gvern Laburista qed iwassal għal nuqqas ta’ fiduċja fil-politiċi tagħna.

Alex Borg saħaq li l-Għawdxin inkwetati ħafna fuq il-permessi bl-addoċċ mill-awtorita’ tal-ippjanar, fuq l-isplużjoni ta’ kriminalita’ u r-rata ta’ serq li qed tiżdied kuljum. Taħt gvern Laburista Għawdex spiċċa abbandunat ukoll fis-sistema tas-saħħa.

Alex Borg temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem id f’id biex jagħti fiduċja lill-poplu u jurieh li huwa mhux biss oppożizzjoni iżda wkoll gvern alternattiv u li għandu direzzjoni. Jeħtieġ li jkun front li jagħti opportunita’ lil kulħadd u lil kull min lest ixammar idejh u jibda jaħdem għall-poplu Malti u Għawdxi.