Lokali

“Iż-żgħażagħ iridu tellieqa onesta li tħaddan progress u kreattivita'” – Julia Galea

“Iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kapaċi jibnu, jikkreaw u jikkontribwixxu għall-futur li jagħmilna denji li aħna Maltin, li nagħmlu parti minn din id-daqxejn ta’ gżira. Inkunu verament qed ninvestu fil-faqar jekk ma ninvestux fiż-żgħażagħ tagħna.”

Hekk saħqet Julia Galea, żagħżugħa fil-fergħa TeamStart meta tkellmet fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Julia Galea qalet li kuljum qed inqumu għal skandlu ikbar. Iż-żgħażagħ m’humiex kuntenti bil-bibien imbexxqa… m’humiex kuntenti jaraw tiġrija bejn il-ħmir. Tiġrija mirbuħa biss għall-poter u l-flus.

Sostniet li għandna ninvestu fl-aspirazzjonijiet u l-ħiliet ta’ din il-ġenerazzjoni minflok inġibu professjonisti minn barra.

Julia Galea fakkret f’diversi proposti eċċellenti fil-manifest elettorali biex niżguraw futur u xogħol ta’ kwalita’ għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

“Pajjiżna jista’ jikber biss jekk jibqa’ jinvesti fl-unika riżorsa li għandu…il-bniedem. U f’dan il-kuntest, iż-żgħażagħ tagħna qegħdin fuq quddiem” tenniet Julia Galea.