Internazzjonali

Iżrael: Jipprotestaw dwar riformi ‘li jtellfu l-kunċett proprju tal-Ġustizzja’

Benjamin Netanyahu

Għexieren tal-eluf ta’ nies ħadu sehem f’dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern Iżraeljan fost il-protesti biex l-Amministrazzjoni ma tippersistix bil-pjani lejn riformi sinifikanti fis-sistema tal-Ġustizzja.

Il-pjani qed iwasslu għal oppożizzjoni ħarxa minn diversi gruppi, inklużi l-avukati, waqt li qanqlu wkoll tħassib fost l-aktar Iżraeljani influwenti fil-qasam tal-kummerċ ; bis-sitwazzjoni qed tkabbar id-diżgwid politiku qalb is-soċjetà Iżraeljana.

L-attivisti qed jgħidu li l-isforzi leġislattivi tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu se jdgħajjfu lill-Qorti Suprema ta’ Iżrael minbarra li jillimitaw il-poteri tal-Uffiċjali responsabbli mill-Ġustizzja. Dan meta l-pjani  għandhom anki jaċċertaw il-kontroll politiku fuq ħatriet ġudizzjarji – bil-kritiċi jsostnu li s-sitwazzjoni għandha ttellef id-drittijiet tal-minorenzi minbarra li ‘tiftaħ il-bieb għal aktar korruzzjoni;.

Dawn l-elementi akkużaw lil Netanyahu b’li qed jattwa r-riformi bil-ħsieb li jiżgiċċa minn każ legali dwar il-korruzzjoni fil-konfront tiegħu. Iżda l-Prim Ministru ċaħad għall-protesti bħala ‘dimostrazzjoni mill-avversarji politiċi li ma jridux jaċċettaw ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali ta’ Novembru’…Elezzjoni li konfermat l-aktar Gvern radikali tal-lemin fl-istorja ta’ Iżrael.