Lokali

“Li tkun favur il-ħajja ma jfissirx li nkunu partit konservattiv” – Mario De Marco

Fiduċja u tama…żewġ kelmiet li għal diċenji ta’ snin kienu assoċjati mal-Partit Nazzjonalista. Iżda llum irridu nkunu onesti magħna nfusna, il-Partit glorjuż tagħna, għal numru ta’ raġunijiet m’għadux jispira fiduċja fil-maġġoranza tal-poplu u lanqas mhu qed jirnexxilu jipproġetta ruħu bħala simbolu ta’ tama, ta’ ħajja aħjar li ħafna qed ifittxu.” hekk sostna l-membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Mario De Marco.

Irridu naraw x’ġara biex wasalna fejn qegħdin u x’nistgħu nagħmlu biex nerġgħu niksbu l-fiduċja tan-nies.

Mario De Marco sostna li biex nagħmlu dan irridu viżjoni, u djalogu man-nies. Jeħtieġ li l-partit jifhem aktar li n-nies. Huwa qal li l-poplu Malti sar aktar liberali mill-PN f’numru ta’ oqsma.

“Importanti li aħna partit favur il-ħajja iżda li tkun favur il-ħajja ma jfissirx li nkunu partit konservattiv. M’hemm l-ebda kontradizzjoni li tħaddan politika moderna u fejn hemm bżonn liberali, filwaqt li tirrispetta u tipproteġi l-valur tal-ħajja.”

Huwa tkellem ukoll fuq l-għaqda u l-bżonn ta’ partit magħqud, u talab skuża għal xi żbalji li setgħu saru fil-passat, u sostna li għalkemm ma nistgħux nerġgħu lura fiż-żmien, nistgħu naħdmu biex dak li ġara nitgħallmu minnu u nimxu ‘l quddiem.

Kompla jgħid li hemm bżonn strateġija biex inressqu lura lejn il-Partit Nazzjonalista, dawk in-nies li għal xi raġuni tbiegħdu mill-partit. Filwaqt li sellem ukoll il-memorja ta’ Robert Arrigo huwa temm jgħid li dan il-partit qatt ma qata’ qalbu quddiem l-isfidi li kellu quddiemu u li l-ħajja lilu għallmitu li l-aħħar ħaġa li tmut hija t-tama.