Marco Mengoni huwa r-rebbieħ tat-73 edizzjoni tal-Festival ta’ Sanremo fost spettaklu li din il-ġimgħa ilha toffri tul din is-serata.
Marco Mengoni rebaħ permezz tal-kanzunetta Due Vite. Huwa ddedika r-rebħa tiegħu lin-nisa kollha li pparteċpaw fil-festival ta’ din is-sena.
Lil Mangoni issa se nkunu qed narawh mill-ġdid jirrapreżenta lil Eurovision ta’ din is-sena, hekk kif irrapreżenta lill-Italja fl-2013 permezz tal-kanzunetta L’Essenziale.
Fit-tieni post ġie Lazza filwaqt li fit-tielet klassifika Mr Rain.
Il-ġimgħa kienet kkaraterizzata minn spettaklu kontinwu, b’Gianni Morandi fis-serata finali jagħti kontribut lil Lucio Dalla li kien jagħlaq 80 sena fl-4 ta’ Marzu li ġej, bil-palk jara wkoll lil Depeche Mode.
Id-divertiment ma naqas qatt fejn Sanremo ta mill-ġdid pjattaforma lil kantanti stabbiliti bħal Analissa, Eros Ramazzotti u Noemi, iżda wkoll ma kien xejn nieqes mill-kontroverzja, kemm dwar il-moda u kif ukoll kaġun tal-aġirtal-kantant Blanco li għandu 19-il sena, fejn spiċċa biex għamel ħerba sħiħa fuq il-palk tat-Teatru Ariston, waqt l-ewwel serata ta’ Sanremo. Dan meta esperjenża problemi tekniċi, waqt li kien qiegħed ikanta l-kanzunetta tiegħu ‘L’Isola Delle Rose’.
Apparti minn hekk, anke fil-finali faqqghet kontroversja bil-bews li l-kantant Rosa Chemical ta lil Fedez – u anke bl-ittra ta’ Zelensky li inqrat fil-finali, u li mhux kulħadd ħa gost biha.
Sanremo 2023 kellu preżentazzjoni ta’ Amadeus, Chiara Ferragni u Gianni Morandi.
//= $special ?>