Futbol Sport

Premier League Ingliż: Rebħiet importanti għal Man Utd u Man City wara d-draw tal-leaders Arsenal

(Ritratt: EPA)

Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra u Manchester United rebħu l-impenji tagħhom biex għalqu d-distakk mal-leaders, Arsenal, li nhar is-Sibt kienu miżmuma fi draw f’darhom minn Brentford. Intant, il-Gunners xorta għandhom vantaġġ sinifikanti fuq iż-żewġ klabbs minn Manchester meta fil-preżent għandhom tliet punti aktar minn City waqt li lagħbu logħba anqas mit-tim ta’ Pep Guardiola. Sadanittant, United għad għandhom ċans minimu li jisfidaw sal-aħħar għat-titlu meta huma lagħbu żewġ logħbiet aktar minn Arsenal u fejn issa jridu jaqilbu distakk ta’ ħames punti mal-istess Gunners.

Ir-Red Devils skurjaw darbtejn fl-aħħar għaxar minuti ta’ konfront mill-aktar kumbattut ma’ Leeds f’Elland Road u forsi t-tim minn Yorkshire kien ħaqqu xi ftit aħjar wara li ddomina ħafna mit-tieni taqsima fost it-tamiet li jikseb l-ewwel rebħa fil-league fuq ir-rivali minn Lancashire mill-2002.

Il-logħba, għalkemm nieqsa mill-kwalità, baqgħet sal-aħħar movimentata u mimlija bit-tensjoni, biż-żewġ tims jippruvaw jisfruttaw l-iżbalji ta’ xulxin tul id-90 minuta. Dan meta l-aħjar ċans tal-ewwel taqsima kellu jaqa’ f’saqajn Bruno Fernandes li l-ballun spiċċa għandu wara l-pass ħażin minn Wober u bil-Portugiż javvanza waħdu u jixxuttja dgħajjef fid-direzzjoni ta’ Meslier.

Fit-tieni taqsima, Leeds li għad iridu jikkonfermaw manager ‘full-time’ minflok Jesse Marsch, żiedu l-pressjoni fuq il-lasta ta’ David de Gea,  b’Jack Harrison, Summerville u Luke Ayling kollha jmorru qrib u bid-difiża ta’ United turi mumenti ta’ diżattenzjoni. Ir-Red Devils imbagħad bdew jaqsmu l-logħob u għaxar minuti mit-tmiem, Marcus Rashford żmarka ruħu għall-kross ta’ Luke Shaw biex sammar ġewwa bir-ras għall-1-0 u għall-21 gowl personali tal-istaġun.

Il-gowl ħasad lil Leeds u ħames minuti wara United irduppjaw mis-sostitut Alejandro Garnacho li ħarab fuq ix-xellug qabel għeleb mill-ġdid lil Meslier b’xutt fil-baxx li ħabat ma’sieq il-lasta qabel spiċċa fix-xibka. Fl-aħħar ħinijiet, Man Utd kellhom żewġ gowls oħra mħassrin għal offside wara t-tentattivi rispettivi ta’ Weghorst u Rashford – u bid-difiża ta’ Leeds ineżistenti fiż-żewġ okkażjonijiet. Ir-riżultat jista’ anki jitqies bħala diżastruż għal Leeds li għandhom jispiċċaw fil-‘bottom three’ tal-klassifika f’każ ta’ rebħa għal Everton fuq Liverpool fid-derby ta’ Merseyside.

Manchester City, li għaddew minn jiem problematiċi  wara t-telfa fil-league ma’ Tottenham u fost l-aħħar akkużi dwar ksur tar-regoli finanzjarji tal-Premier League, ma kellhomx diffikultà biex ixejnu l-isfida fjakka ta’ Aston Villa, 3-1, fl-Etihad Stadium.

Is-Citizens daħlu għal din il-logħba bħala favoriti għall-punti u meta huma, issa, jridu jisfidaw lil Arsenal fit-‘Top Table clash’ ipprogrammat għal Londra fil-15 ta’ Frar u li għandu jħalli impatt kbir fuq id-destinazzjoni tat-titlu.Man City kellhom jistennew biss erba’ minuti biex jiftħu l-iskor meta Rodri sab ix-xibka bir-ras wara li spiċċa żmarkat fuq il-korner ta’ Riyad Mahrez.

Is-Citizens baqgħu jikkontrollaw il-logħba, b’Ilkay Gundogan ikollu gowl ieħor imħassar u bil-VAR jiċħad appell għal penalty wara li d-difensur tal-Villains, Chambers, deher imiss il-ballun fil-kaxxa. Iżda kien hemm aktar gowls fl-ajru u dawn kienu ta’ marka ‘City’, b’Chambers jiżbalja fl-intervent fuq Kevin de Bruyne, u bil-ballun jispiċċa għand Haaland li qassam lil Gundogan li xeħet ġewwa f’lasta prattikament vojta.Eżatt qabel il-mistrieħ, City għamluhom tlieta wara li Jacob Ramsey waqqa’ lil Jack Grealish fil-kaxxa, b’Mahrez jiskorja mill-ħdax-il metru.Fit-tieni taqsima, Villa naqqsu d-distakk  meta l-attakkant Ollie Watkins (61) irċieva pass perfett mingħand Douglas Luiz biex għeleb lill-gowlkiper Ederson għall-gowl tal-bandiera – b’City, minn dak il-ħin, ikomplu jiddominaw mingħajr ma jżidu l-iskor.