Lokali

Raġel ta’ 54 sena jitlef ħajtu wara li ttajjar minn karozza

Raġel ta’ 54 sena minn Ħal Tarxien tilef ħajtu wara li ttajjar minn karozza fi Triq il-Belt Valletta, ir-Rabat. L-inċident seħħ dal-lejl għall-ħabta tan-nofsiegħa.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel intlaqat minn karozza tat-tip Peugeot 208, misjuqa minn raġel ta’ 20 sena residenti l-Qrendi.

Immedjatament fuq il-post wasal tim mediku li ta l-assistenza tiegħu iżda sfortunatament, il-vittma ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Din hija t-tielet fatalità fit-toroq Maltin mill-bidu tas-sena ta’ issa.