Napoli komplew bil-mixja trijonfali fil-quċċata tal-klassifika b’rebħa kontra Cremonese 3-0
Għal Napoli din ir-rebħa fuq it-tim ta’ qiegħ il-klassifika kienet ukoll tpattija sportiva wara li Cremonese kienu eliminaw lil Napoli fil-kwartifinali tal Coppa Italia wara l-għoti tal-penalties.
Kien is-solitu Kvaratskhelia li fetaħ l-iskor fl-ewwel taqsima, u fit-tieni taqsima Napoli komplew jiddominaw u żiedu gowls oħra permezz ta’ Osimhen u Elmas.
Cremonese jibqgħu fl-aħħar post mingħajr ebda rebħa.
Fil-logħbiet l-oħra Juventus komplew jirkupraw wara t-tnaqqsi ta’ 15-il punt meta għelbu lil Fiorentina 1-0.
Il-gowl tar-rebħa ta’ Juventus wasal permezz tal-Franċiż Rabiot fl-34 minuta.
Udinese u Sassuolo qasmu erba’ gowls f’logħba mill-iktar interessanti, bil-gowls kollha skorjati fl-ewwel taqsima. Wara biss 26 sekonda Udogie fetaħ l-iskor għal Udinese biex skorja l-iktar gowl veloċi f’dan l-istaġun, anki jekk ir-rekord assolut jinsab għand Rafael Leao ta’ Milan li kien skorja dan il-gowl ukoll kontra Sassuolo. Fis-sitt minuta Sassuolo kisbu d-draw permezz ta’ Henrique iżda fit-28 minuta Bijol reġa’ poġġa lil Udinese fil-vantaġġ. Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima awtogowl ta’ Perez għamel l-iskor finali 2-2.
Intant Monza fid-debutt assolut tagħhom fis-Serie A, komplew jissorprendu b’rebħa minima għand Bologna. Il-gowl rebbieħ tat-tim tal-President Silvio Berlusconi kien skorjat minn Donati fil-25 minuta.
Riżultati:
Udinese v Sassuolo 2-2
Bologna v Monza 0-1
Juventus v Fiorentina 1-0
Napoli v Cremonese 3-0
It-Tnejn:
18:30 Verona v Salernitana
20:45 Sampdoria v Inter
//= $special ?>