Lokali

The Busker ir-rebbieħa tal-Malta Eurovision ta’ din is-sena

Fl-aħħar ħin ġie mħabbar li ‘Dance (Our Own Party) kantata minn The Busker hija l-kanzunetta rebbieħa tal-Malta Eurovision ta’ din is-sena, u għaldaqstant f’Mejju li ġej se tirrapreżenta lil Malta fis-67 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se jsir fl-Ingilterra, fil-belt ta’ Liverpool.

The Busker bid-diska ‘Dance (Our Own Party)’, rebħet fost 16-il kanzunetta li ħadu seħem fis-serata finali li saret fl-MFCC f’Ta’ Qali. 

The Busker kisbu l-aktar punti mill-bqija tal-kontestanti mogħtija mill-vot tal-pubbliku sabiex b’kollox irnexxilhom jiksbu 121 punt.

Fit-tieni post klassifika Ryan Hili bil-kanzunetta ‘In the silence’ fejn b’kollox irnexxilu jakkwista 85 punt, u fit-tielet post b’76 punt, klassifika Matt Blxck bil-kanżunetta ‘Up’.

In The Silence – Ryan Hili
Up – Matt Blxck

The Busker issa se jkunu qed jikkompetu f’isem Malta fl-ewwel semi-finali tal-Eurovision li se ssir fid- 9 ta’ Mejju, u filfatt, jekk jagħmluha ghal mal-ewwel ghaxra, jgħaddu ghall-Finali tal-Eurovision Song Contest li se jsir fl-13 ta’ Mejju.

Il-Mistieden speċjali fis-serata tal-lejla kien il-kantant Aidan Cassar li propju kien qiegħed jipparteċipa f’dan il-festival, iżda minn ħabba ksur ta’ regolamenti, ġie skwalifikat. Aidan kellu jtemm il-vjaġġ tiegħu fill-kwarti finali fejn kien qed jipparteċipa bil-kanżunetta ‘Reġina’.

Fis-serata tal-lejla fost oħrajn, Aidan kanta l-kanzunetta ‘Ritmu’ u ‘Naħseb Fik’.

Fl-istess serata kienet mistiedna wkoll il-kantanta rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest tas-sena li għaddiet Emma Muscat, fejn fost oħrajn kantant il-kanzunetta ‘I am what I am’.