Internazzjonali

Turkija-Sirja: Il-vittmi tat-terremoti jistgħu jirduppjaw mill-konsegwenzi indiretti

Miljuni ta’ nies fin-nofsinar tat-Turkija u fin-naħa ta’ fuq tas-Sirja jinsabu mingħajr djar b’kaġun tat-terremoti storiċi ta’ jiem ilu  u meta t-temperaturi fl-inħawi għadhom sew taħt iz-zero – speċjalment matul il-lejl.

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li ‘il fuq minn 800,000 persuna jinsabu mingħajr ‘ikel adekwat’ fost it-twissijiet li l-vittmi tat-terremot jistgħu anki jirduppjaw b’kaġun tal-konsegwenzi indiretti.

Dan meta qed jonqsu dejjem aktar it-tamiet li jinsabu aktar ħajjin taħt ir-radam u minkejja l-aħħar sejbiet mirakolużi ta’ tfal u trabi f’sitwazzjonijiet fejn kollox kien deher mitluf.

L-aħħar nies salvati minn taħt it-tifrik tal-bini kienu familja ta’ ħamsa fil-provinċja ta’ Gaziantep u tifla ta’ seba’ snin li damet mirduma għal 132 siegħa fl-inħawi ta’ Hatay.

It-terremot ewlieni tat-Tnejn – segwit minn theżżiża tal-art oħra  — qed jitqies bħala l-agħar wieħed għal 100 sena fir-reġjun…Terremot partikulari li fl-aħħar jiem qanqal ukoll ‘l-akbar reazzjoni ta’ fejda internazzjonali għal għexieren ta’ snin’.

Min-naħa tiegħu Martin Griffiths, bħala l-Kap tan-Nazzjonijiet Uniti b’responsabbiltà għad-distribuzzjoni tal-għajnuna, sejjaħ biex l-awtoritajiet ikkonċernati ‘jiffriżaw il-politika reġjonali’ bil-għan li jiffaċilitaw ir-reazzjoni internazzjonali għal dan id-diżastru.

Dan meta – f’sinjal inkoraġġanti – l-aċċess mill-fruntiera bejn it-Turkija u l-Armenja fi tmiem il-ġimgħa reġa’ infetaħ wara 35 sena bil-ħsieb li l-għajnuna tasal għand l-imġarrbin mingħajr l-intoppi żejda.