L-Uffiċjali fit-Turkija qalu li ħarġu ‘il fuq minn 120 mandat għall-arrest fil-konfront ta’ persuni responsabbli mill-kostruzzjoni tal-bini li ċedew waqt it-terremoti l-kbar ta’ bħal-lum ġimgħa…Terremoti li skont l-aħħar ċifri rriżultaw f’aktar minn 28,000 mejtin f’dan il-pajjiż kif ukoll fis-Sirja, li wkoll kienet ġarrbet l-impatt terribbli tat-theżżiż.
Il-pulizija Torka diġà qed iżżomm numru mhux speċifikat ta’ persuni taħt arrest u ‘il quddiem mistennija tarresta wkoll lil diversi kuntratturi u periti li allegatament ma żammewx mar-regoli tal-bini.
Madankollu, ħafna Torok – flimkien mal-analisti barranin – qed iqisu l-mewġa tal-arresti bħala tattika tal-Gvern Tork biex ‘iwarrab il-ħtija għall-imwiet relatati mat-terremoti fuq ħaddieħor’.
L-esperti kienu ilhom is-snin iwissu li ħafna mill-bini li kienu qed jittellgħu fit-Turkija ma kellhomx is-sisien sodi – f’parti b’kaġun tal-politika tal-Gvern u sistema ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata.
Il-politika tal-Gvern Tork, allegatament, ippermettiet forom ta’ amnestija għall-kuntratturi li ma rispettawx ir-regoli fissi tal-bini u bil-ħsieb li l-pajjiż jgħaddi minn ‘boom’ tal-kostruzzjoni – anki f’dawk iz-zoni tat-Turkija l-aktar disposti għat-terremoti.
Intant eluf ta’ bini krollaw fit-terremoti tat-Tnejn u llum il-poplu Tork qed jistaqsi – fuq il-media soċjali – jekk l-impatt ta’ dan id-diżastru naturali setax kien ‘għaxar darbiet agħar’ minħabba nuqqasijiet min-naħa ta’ persuni ewlenin fil-qasam tal-bini u tal-ogħla awtoritajiet Torok.
Is-sitwazzjoni anki tefgħet dell fuq il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, li qed iħejji għall-elezzjonijiet tas-sajf wara li ilu fil-poter għal dawn l-aħħar 20 sena.
Is-sitwazzjoni fir-reġjuni milqutin mit-terremot għadha diżastruża u meta l-iskwadri tas-salvataġġ mill-Ġermanja u l-Awstrija kellhom iwaqqfu għal żmien it-tfittxija għall-persuni rappurtati nieqsa fil-provinċja Torka ta’ Hatay. Dan minħabba l-ġlied li kien għaddej bejn xi gruppi armati li baqgħu mhumiex identifikati.
Is-sigurtà f’Hatay, intant, qed tonqos dejjem aktar u meta mhumiex jaslu biżżejjed provvisti tal-ikel lir-residenti fl-inħawi. Fl-istess ħin, l-aħħar rapporti li ħarġu ftit tal-ħin ilu qalu li t-tfittxija għan-nieqsa hemmhekk setgħet tkompli taħt il-protezzjoni tal-Armata Torka.
//= $special ?>