Fl-aħħar ħin fuq il-media soċjali, il-GUG esprimiet id-diżappunt tagħha wara li l-istudenti Għawdxin tħallew fuq il-bus stop jistennew l-X300. Dan wara li t-Tnejn filgħodu, is-servizz tal-fast ferry ma kienx disponibbli għall-istudenti u l-ħaddiema, u mili jidher lanqas is-servizz tal-X300.
Ir-rotta tal-X300 tibda miċ-ċirkewwa, tieqaf l-Università ta’ Malta u tispiċċa fil-Belt Valletta. Filfatt, din ir-rota tintuża l-aktar mill-istudenti u l-għalliema Għawdxin … iżda għal xi raġuni, it-Tnejn filgħodu, dan is-servizz ma kienx disponibbli għalihom u għalhekk, l-istudenti u l-għalliema Għawdxin wara li damu ħin twil jistennew tal-linja kellhom jagħmlu użu mis-servizz ta’ taxi, b’konsegwenza ta’ dan, spiċċaw biex tilfu l-ewwel lezzjoni.
Il-GUG saħqu “Aħna m’aħniex studenti tat-tieni klassi, u huwa frustranti li s-servizz tal-X300 li suppost kien qed topera fl-aktar mument li l-istudenti kellhom bżonn, ma dehritx fl-iskeda. Kaġun ta’ dan, ħafna studenti tħallew fuq il-bus stop, u spiċċaw biex tilfu l-lecture ta’ filgħodu tagħhom, apparti l-fatt li kellhom jirrikorru għall-użu ta’ taxi X1 jew taxi privat.”
B’dispjaċir il-GUG inottat li t-trattament tal-istudenti Għawdxin bħala studenti tat-tieni klassi hija sitwazzjoni li ilha tkarkar ħafna.
Intant b’reazzjoni għal din l-istqarrija fi stqarrija oħra l-Malta Public Transport qalet tixtieq tiskuża ruħha tal-inkonvenjenza li nħoloq f’dan il-każ. Intqal li l-kumpanija operat tliet vjaġġi miċ-Ċirkewwa fuq ir-rotta X300 dalgħodu, Malta Public Transport tifhem l-importanza ta’ dan is-servizz kemm għall-istudenti, kif ukoll għall-pubbliku, u għaldaqstant tinsab f’kuntatt mal-Gvern u mal-organizzazzjoni tal-istudenti GUG sabiex tiddiskuti soluzzjoni reali fil-ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>