Kollox qiegħed jindika li d-Direttur Artistiku tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Lionel Gerada, għandu kunflitt ta’ interess.
Rapport ippubblikat mis-sit online The Shift News żvela li l-eks Head of Events tal-MTA taħt l-eks Ministru Konrad Mizzi jinsab involut f’kumpanija privata relatata mal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-ispettaklu.
Ftit tax-xhur ilu, il-Ministru Clayton Bartolo wiegħed li kien se jieħu passi fil-konfront ta’ Gerada wara li nqabad li flimkien ma’ impjegati oħra kien ibbukkja mingħajr permess kmamar lussużi f’lukanda għal ġimgħatejn tal-festi tal-Milied tal-2021….bi flus l-awtorità..ċioè mit-taxxi tal-poplu. Madanakollu, sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li Gerada xorta waħda baqa’ jitqies bħala l-factotum tal-avvenimenti tal-MTA tant hu hekk li minn Head of Events huwa tmexxa għal pożizzjoni ta’ Direttur Artistiku.
Is-sit The Shift News spjega li flimkien ma’ Gerada f’din il-kumpanija hemm ukoll l-events executive Toyah Zammit….dan b’kunflitt ċar ta’ interess.

Net News staqsa lill-Ministu Clayton Bartolo dwar dan kollu…bil-Ministru ma jiċħadx…u jfarfarha fuq l-MTA.
Ta’ min wieħed jinnota li wara li Gerada kien tneħħa minn Head of Events – ħadd ma tqiegħed f’din il-pożizzjoni. Tant hu hekk li lanqas biss huwa mniżżel fis-sit uffiċjali tal-Awtorità.
Iżda skont il-Ministru, is-sostitut ta’ Gerada ilu li laħaq.
Il-persuna li kien qed jirreferi għaliha l-Ministru huwa Kearon Bruno li f’Diċembru nħatar Brand Partnerships Director…li fost diversi affarijiet oħra taqa’ taħtu r-responsabbilità tad-Dipartiment tal-Events…li fih jopera d-Direttur Artistiku, Lionel Gerada.
Intant, fuq suġġett separat, Net News staqsa lil Ministru għat-Turiżmu dwar is-sitwazzjoni b’rabta mal-linja tal-ajru Nazzjonali l-Air Malta fejn l-ewwel farfarha fuq il-Ministru Clyde Caruana…u sussegwentament ma ċaħadx il-possibilità ta’ linja tal-ajru nazzjonali ġdida…
Bid-dubji u l-misteri jkompli jifnu kemm lill-familji tal-impjegati tal-Air Malta kif ukoll lis-settur turistiku.
