Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha ordnat lis-sidien ta’ residenza fl-Imsida biex tingħata €75,000 f’danni wara li għal aktar minn 60 sena l-ħlas ta’ kera mill-Ministeru tas-Saħħa kien dak miżeru ta’ €69.88 fis-sena. Il-post jinsab fi Triq il-Paroċċa u li għandu biex ieħor li jagħti għal Triq Rue D’Argens, fl-istess lokalita. Il-Gvern ġie ordnat irodd lura l-post mikri lis-sidien sakemm ma jiddikjarax li għandu l-jedd mod ieħor skont xi dispożizzjoni oħra tal-liġi.
Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Christian Falzon Scerri ddikjarat ukoll li l-werrieta ġarrbu ksur tal-jedd tagħhom tal-proprjetà, kif imħares taħt l-ewwel artikolu tal-ewwel protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea u biex jitwaqqaf dan il-ksur darba għal dejjem. Il-post qed jintuża bħala “Occupational Health Unit.”
Il-Qorti ddikjarat li l-Gvern ma jistax jinqeda aktar bid-dispożizzjonijiet tal-liġi kif inhuma llum biex iżomm b’titlu ta’ kera. Għalhekk, il-Qorti ordnat wkoll lill-Gvern biex irodd lura l-post mertu tal-kawża lis-sidien tiegħu u li dan għandu
jiġi mbattal minn kollox, fi żmien sitt xhur mid-data tas-sentenza.
Gillian De Gaetano qalet li l-post kien mikri lil Medical and Health Department. Minn naħa tagħha Roseanne Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-Primary HealthCare, fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa kkonfermat fil-Qorti, li mir-records tad-Dipartiment, ħareġ li dan il-post ilu hekk mikri sa mill-20 ta’ Marzu,1951.
Sid il-kera kienet Giulia Wismayer, li mietet fis-26 ta’ Marzu, 2010. Fit-13 ta’ Mejju, 2010, numru ta’ persuni eredi ta’ dik li kienet sid il-post ddikjaraw li huma wirtuh, b’wieħed minnhom imut f’Mejju tal-2013 u eredi ieħor f’Awwissu tal-2021. Il-Qortui qalet li s-sidien ma setgħux jieħdu lura l-post mikri meta riedu, imma kellhom bilfors jobdu l-liġi u jġeddu l-kirja lill-Gvern.
Minbarra dan, mill-1987 sallum, anke wara li ddaħħal l-Att X tal-2009 u l-Att XXIV tal-2021, il-kera li setgħu jiġbru baqgħet staġnata fl-ammont ta’ €69.88 fis-sena. Dan hu hekk għaliex skont l-artikolu 1531M tal-Kodiċi Ċivili, kirjiet li jkunu saru qabel l-1 ta’ Ġunju, 1995 ta’ postijiet li ma jkunux residenzjali, kummerċjali, każini jew garaxxijiet għandhom jibqgħu regolati bil-liġi kif kienet fis-seħħ qabel l-1 ta’ Ġunju, 1995.
Għad li dan l-istess artikolu 1531M tal-Kodiċi Ċivili ta s-setgħa lilll-Ministru responsabbli għall-akkomodazzjoni li jista’ joħroġ regolamenti biex jirregolaw dawn il-kirjiet ħalli jinstab bilanċ ġust bejn id-drittijiet tas-sid, tal-inkwilin u l-interess pubbliku, dawn ir-regolamenti però baqgħu ma nħarġux. B’hekk il-kera li setgħu jdaħħlu f’dan il-każ baqgħet ta’ €69.88 fis-sena.
Meta wieħed iqis li fi spazju ta’ 36 sena mill-1987 sal-2022 is-sidien ġabru b’kollox bħala kera s-somma ta’ €2,515.68, filwaqt li l-esperta ġudizzjarju kitbet fir-rapport tagħha li l-valur sħiħ tal-kera tal-post f’dawn is-snin kien ta’ madwar
€112,741.86, il-Qorti qalet li mingħajr wisq tħabbil tal-moħħ ma tistax ħlief tasal għallkonklużjoni li s-sidien ġew ippreġudikati b’mod eċċessiv u sproporzjonat minħabba t-tħaddim tad-dispożizzjonijiet tal-Kap. 69 tal-Liġijiet ta’ Malta, fejn jidħol l-ammont ta’ kera bejn l-1987 u l-2022.
Huwa minnu dak li jgħid l-Ministeru li f’ġieħ l-interess pubbliku huwa aċċettabbli li l-kera tista’ tkun aktar baxxa minn dak li wieħed jista’ jikseb minn fuq is-suq ħieles, bħalma huwa minnu wkoll li mhuwiex l-għan tal-ewwel artikolu tal-ewwel protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea li jagħti id miftuħa lis-sidien biex jistagħnaw u jispekulaw minn fuq dahar l-Istat.
Madankollu l-Gvern jrid jifhem ukoll li xorta jibqa’ meħtieġ li tinżamm proporzjonalità bejn il-kera li tippermetti l-liġi u dak li jagħti s-suq ħieles. F’dan il-każ, l-avarija li teżisti bejn il-kera li kien iħallas il-Gvern bit-tħaddim tad-dispożizzjonijiet tal-Kap. 69 tal-Liġijiet ta’ Malta u l-kera skont is-suq li stabbiliet l-esperta ġudizzjarja, hija tant enormi, li huwa manifest li dan il-prinċipju tal-proporzjonalità ma ġiex imħares;
Wara kollox, din il-Qorti qalet li ssibha ferm diffiċli li tħares lejn il-Gvern bħala xi vittma innoċenti li teħtieġ daqshekk protezzjoni kontra l-forzi tas-suq. Għalkemm bla dubju ta’ xejn, il-Qorti qalet li ma tara xejn ħażin li l-Gvern jiġi protett bil-liġi milli tiġi terminata lilu l-kirja ta’ post, li qiegħed juża bħala “Occupational Health Unit” għall-benefiċċju tal-poplu.
Madankollu l-istess Qorti qalet li ma tistax tgħid li huwa sew li bħala kera għall-użu ta’ dan il-post il-Gvern għandu jkun protett bil-liġi li jħallas biss €69.88 fis-sena. Għaldaqstant il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet it-talbiet li għamlu s-sidien tal-post permezz ta’ rikors.
//= $special ?>

