Internazzjonali

Il-Moldova: Takkuża lir-Russja dwar ‘pjan ta’ sabutaġġ’ kontra l-Gvern

Il-President tal-Moldova, Maia Sandu, akkużat speċifikament lir-Russja dwar pjan ‘malinn’ intiż biex jaqa’ l-Gvern ta’ Chisinau li hu sostenitur tal-Unjoni Ewropea.

L-akkuża saħqet li r-Russja qed tuża ‘il-barranin għal dan il-mezz ta’ sabutaġġ’, bil-President Sandu, jiem ilu, taħtar lil Dorin Recean bħala Prim Ministru u li bħalha jappoġġja bis-sħiħ ir-relazzjonijiet ta’ pajjiżu mal-UE.

Maia Sandu qalet li l-allegat kumplott tar-Russja, fost oħrajn, qed jibbaża fuq ‘il-protesti kbar minn elementi li jippużaw bħala Oppożizzjoni ġenwina’ u meta l-iskop wara l-pjan jinvolvi ‘l-eliminazzjoni tal-ordni kostituzzjonali (fil-Moldova)’.

L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi u l-gwerra sussegwenti qed jimponu pressjoni kbira fuq il-Moldova, li hi fost l-ifqar Stati tal-Ewropa.

Dan meta l-President Ukren Volodymyr Zelensky irrefera wkoll għal ‘pjan tar-Russja intiż għall-qerda tal-Moldova’, dejjem skont id-data miġbura mis-servizzi sigrieti fi kiev.

Il-Moldova — fejn qed jgħixu 2.6 miljuni — matul is-sajf, kienet ikkonfermata bħala kandidat għal sħubija fl-UE.