Robbie Williams illum qed jiċċelebra għeluq id-49 sena tiegħu.
Minn żmienu bħala kantant mal-boyband Ingliża, ‘Take That‘ għall-aqwa diska solo tiegħu ‘Angels‘, Robbie Williams kiseb suċċess kbir madwar id-dinja matul dawn l-aħħar għoxrin sena.
Nagħtu ħarsa ħafifa lejn xi tgħarif dwar dan l-artist tant popolari.
Robbie Williams twieled fit-13 ta’ Frar tal-1974. fi Stoke-on-Trent, Staffordshire, fl-Ingilterra.
Il-ġenituri tiegħu, Janet (née Farrell) u Peter Williams (magħruf ukoll bħala Pete Conway), kienu jmexxu pub bl-isem ta’ Red Lion f’Burslem, fi Stoke-on-Trent.
F’Mejju tal-2006, Robbie iltaqa’ mal-attriċi Amerikana Ayda Field. Tliet snin wara, il-koppja tgħarset u żżewġu fid-dar tiegħu f’Mulholland Estates f’Beverly Hills fis-7 ta’ Awwissu tal-2010.
Il-koppja dehru flimkien bħala ġurija fuq The X Factor fl-2018.
It-tifla ta’ Robbie u Ayda Theodora ‘Teddy’ Rose twieldet fit-18 ta’ Settembru tal-2012. Imbagħad fis-27 ta’ Ottubru tal-2014, twieled it-tieni wild tagħhom Charlton ‘Charlie’ Valentine.
Fis-7 ta’ Settembru, 2018, Ayda ħabbret li hi u Robbie laqgħu t-tielet tarbija sorpriża tagħhom, tifla jisimha Colette ‘Coco’ Josephine, permezz ta’ omm surrogata. Ir-raba’ wild twieled ukoll permezz ta’ surrogata, Beau, fl-2020.
Robbie kien membru tal-boyband ‘Take That‘ flimkien ma’ Gary Barlow, Mark Owen, Howard Donald u Jason Orange, mill-1990 sal-1995, meta ħalla l-grupp.
Ftit wara nieda l-karriera solo tiegħu. Filwaqt li l-ewwel ftit singles tiegħu ma kinux suċċessi kbar, il-kanzunetta tiegħu ‘Angels‘ telgħat fil-quċċata tal-klassifika u b’hekk kiseb livell akbar ta’ fama.
Wara li ‘Take That‘ reġa’ ngħaqad mingħajru fl-2005, Robbie Williams reġa’ ngħaqad mal-band fl-2009 għall-album Progress u anke’ għal tour sena wara. Minn dak iż-żmien ‘l hawn kanta mal-grupp diversi drabi oħra.
Fost l-aqwa kanzunetti ta’ Robbie Williams insibu ‘Angels‘, ‘Let Me Entertain You‘, ‘She’s the One‘, ‘Rock DJ‘, ‘Feel‘, ‘No Regrets‘, ‘Candy‘, ‘Love My Life‘, ‘Kids‘, ‘Supreme‘ u ‘Millennium‘.
Robbie Williams mistenni jżur Malta fl-24 ta’ Awwissu li ġej bħala parti mit-tour XXV.
//= $special ?>