Internazzjonali

Ingilterra: Camilla pożittiva għall-Covid

Stqarrija minn Buckingham Palace issa kkonfermat li mart ir-Re Karlu III, Camilla, irriżultat pożittiva għal COVID-19 wara li sofriet minn sintomi ta’ riħ.

L-istqarrija kompliet tgħid li “b’dispjaċir, ħassret l-impenji pubbliċi kollha tagħha għal din il-ġimgħa u bgħatet l-apoloġija sinċiera tagħha lil dawk li kellhom jattendu għalihom.”

Aktar kmieni, il-Palazz qal li Camilla li għandha 75 sena, kienet sfurzata tipposponi żjara fil-West Midlands nhar it-Tlieta wara li kkuntrattat “marda staġjonali”.

Kellha ppjanat diversi impenji madwar ir-reġjun, inkluż iċ-ċelebrazzjoni tal-mitt sena tal-Elmhurst Ballet School f’Edgbaston, Birmingham.

Camilla kellha wkoll iżżur is-Southwater One Library f’Telford biex tirringrazzja lill-istaff u lir-rappreżentanti minn gruppi ta’ volontarjat għall-kontribut tagħhom lill-komunità.

Kelliem ta’ Buckingham Palace qal li qed jittamaw li ma jdumux ma jsibu data ġdida għall-avvenimenti posposti.

Camilla kien diġa’ kellha l-COVID kmieni s-sena l-oħra u kienet anke’ sfurzata tikkanċella diversi avvenimenti.