Futbol Sport

Jake Grech jagħti bidu mill-aqwa lill-era Silvio Vella

(Ritratt: Joe Borg)

Hibernians bdew l-era Silvio Vella b’rebħa bl-iskor ta’ 2-0 kontra Żebbuġ Rangers f’logħba li ġiet trasferita mit-Tony Bezzina Stadium għas-Centenary Stadium. Il-logħba kien kondizzjonata bit-tkeċċija ta’ Travis Bartolo biex ir-Rangers għamlu kważi siegħa logħob bi player anqas. Wara tlett telfiet konsekuttivi li prattikament waslu għat-tkeċċija ta’ Andrea Pisanu, waslet rebħa li tat ftit nifs lit-tim minn Raħal Ġdid. Jake Grech kien l-eroj tal-ġurnata b’żewġ gowls, wieħed minn penalty u ieħor wara suġġeriment ta’ Jurgen Degabriele. Il-kowċ Silvio Vella wettaq numru ta’ bidliet mill-ewwel ħdax li konna mdorrijin naraw dan l-aħħar.  Players bħal Andrei Agius li kien tilef postu mal-ewwel ħdax, Gabriel Artiles, Joao Vitor Florencio, Bjorn Kristensen u Apap kollha bdew il-partita. Finalment ir-riżultat irrispetta l-andament tal-partita biex iċ-Champions renjanti kisbu tlett punti importanti li bihom ser ikomplu jissieltu għal post fl-Ewropa.

B’wirja kbira fit-tieni taqsima Balzan dawru t-telfa f’rebħa hekk kif kontra Pietà Hotspurs minn żewġ gowls minn taħt spiċċaw biex rebħu bl-iskor ta’ 3-2.  Il-Hotspurs ħażdu lil Balzan fejn sabu x-xibka fl-ewwel minuta biex san-nofs siegħa logħob kienu żewġ gowls minn fuq. Iżda t-tieni taqsima kienet storja differenti fejn Balzan xammru l-kmiem u aktar ma’ beda jgħaddi l-ħin aktar bdew ġejjin biex finalmant wasal ukoll il-gowl tar-rebħa fl-aħħar għaxar minuti. Rebħa li tkompli tqawwi qalb Balzan li  jistgħu jiksbu post fl-Ewropa minkejja li t-taqtiegħa tinvolvi numru ta’ timijiet.  Mill-banda l-oħra Pieta jibqgħu ankrati fl-aħħar post tal-klassifika.  Huma qed ikollhom wirjiet pożittivi iżda l-aktar ħaġa importanti, il-punti, li kull tim għandu bżonn mhux qed jakkwistawhom.

Ħamrun kisbu t-tmien rebħa konsekuttiva dan wara li huma għelbu lir-rivali Valletta bl-iskor ta’ 1-0. Kien gowl li wasal fl-għoxrin minuta minn rigal tal-Beltin. Approfitta Elvis Mashike li b’hekk skorja t-tnax-il gowl tiegħu tal-istaġun biex b’hekk jinsab fit-tieni post tal-klassifika tal-aqwa skorers. Rebħa tal-Ispartans li tkompli tressaqhom aktar lejn ir-rebħ tad-disa’ titlu fl-istorja. Diżappunt ieħor Belti li ħadmu ħafna b’mod partikolari fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta iżda xorta waħda ħarġu b’idejhom vojta mill-Istadium Nazzjonali. Telfa li ħalliet lill-Beltin fin-naħa t’isfel tal-klassifika minkejja fl-ebda periklu ta’ relegation. Dawn iż-żewġ timijiet jerġgħu jkunu fl-azzjoni kontra xulxin għada l-Erbgħa hekk kif huma jiltaqgħu fir-rawnd tas-sittax tal-Izibet FA Trophy. Indubjament ser tkun logħba kumbattuta u possibilment tirriserva diversi episodji u emozzjonijiet kif wara kollox jagħmlu l-maġġoranza tal-logħbiet minn din il-kompetizzjoni.

Birkirkara komplew bis-serje pożittiva ta’ riżultati dan wara li huma għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 3-1. B’hekk huma jkomplu jissieltu flimkien ma’ Gżira United għat-tieni post fil-klassifika, la darba l-ewwel post huwa kważi impossibbli biex jintleħaq. Il-kowċ ta’ Birkirkara Giovanni Tedesco kważi bidel nofs it-tim mid-draw ta’ kontra Valletta. Fil-fatt ma’ kienx hemm post għall-gowlkeeper Nava, Tulimieri u Yankam fl-iskwadra filwaqt li Pepe tħalla fuq il-bank u Fedele daħal għall-aħħar tlettax il-minuta tal-partita. Finalment l-għażliet taw raġun lil Tedesco fejn l-Istripes kisbu tlett punti minn logħba diffiċli kontra avversarju imprevedibbli. Gudja, li bdew bi Prates u Vella flok Bolanos u Mintoff sabuha diffiċli biex jidħlu fil-logħba fejn anki l-art mifqugħa bl-ilma tal-maltemp li għamel għal jumejn sħaħ, ftit li xejn għenet sabiex stajna naraw xi logħob bil-ħsieb.

Gowl kmieni fil-partita skurjat minn penalty permezz tat-tieni l-aqwa skorer ta’ Gżira United Maxuell Maia, kien dak li ddeċieda l-konfront favur il-Maroons. Rebħa li biha t-tim immexxi minn Darren Abdilla saħħaħ it-tieni post tal-klassifika fejn għalihom din kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva. Apparti min dan aspett pożittiv ieħor huwa dak li f’dawn il-logħbiet huma ma’ sofra ebda gowl biex tkompli tikber id-dimensjoni tal-mument tajjeb li għaddejjin minnu bħalissa Gżira United. Mill-banda l-oħra mhux l-istess jista jingħad għal Sirens fejn it-tim minn San Pawl il-Baħar issa tilef erba’ mill-aħħar ħames logħbiet tiegħu biex jinsab jokkupa l-għaxar post fil-klassifika. Il-kowċ ta’ Sirens Winston Muscat wettaq tlett bidliet mill-aħħar logħba filwaqt li Abdilla għamel żewġ bidliet bir-ritorn fost l-oħrajn ta’ wieħed mill-aqwa gowlkeepers fil-Kampjonat Zarkov.

Daqqa ta’ ħarta kbira għal Santa Lucia hekk kif huma sfaw megħluba minn Marsaxlokk b’gowl uniku mad-90 minuta. Fil-fatt kien auto goal minn Yoel Soares Fonseca li wassal sabiex ix-Xlukkarji kisbu rebħa drammatika u li tiswa mitqlu deheb. Kienet wisq għas-Saints li kellhom il-mumenti tagħhom ukoll matul din il-partita. Fil-fatt il-gowlkeeper ta’ M’Xlokk Drobnjak iddistingwa ruħu b’numru ta’ saves li żammew lit-tim tiegħu fil-logħba. U mhux talli hekk, talli huma saħansitra sabu l-mument opportun biex skurjaw il-gowl tar-rebħa li ta nifs qawwi ħafna lit-tim immexxi minn Pablo Doffo. Għal Santa Lucia din it-telfa prattikament fissret li huma ser jibqgħ jissieltu sal-aħħar kontra r-relegation flimkien ma’ Żebbuġ Rangers u Pieta’ Hotspurs.

U jkompli l-mument maġiku ta’ Mosta li kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva fejn fi tmiem il-ġimgħa l-vittmi tagħhom kienu Floriana. Mosta b’hekk ikomplu jissieltu ma’ Gzira, Birkirkara, Balzan u Hibernians għal post fl-Ewropa. Iżda r-riżultat huwa wieħed kiefer mal-Greens fejn huma kellhom aktar mil-logħob mill-avversarji tagħhom.  Laqtu l-lasta darbtejn u ħolqu diversi ċansijiet oħra. Finalment Mosta għamlu dak li jiswa fil-futbol, skurjaw darbtejn filwaqt li kellhom il-lussu wkoll li jfallu penalty meta Failla ra lill-gowlkeeper Kitanov isalva x-xutt tiegħu mill-ħdax il-metru. Għal Floriana jkompli l-istaġun ta’ diżappunt fejn għal din il-logħba huma laqgħu lura lil Kemar Reid, li kien l-aħjar player fost it-tnejn u għoxrin.

INNUTAJNA

LI    Ħamrun Ħanin, hija l-pjattaforma soċjali ta’ Ħamrun Spartans, li se tkun qed tfittex li tuża l-opportunitajiet li joffri l-isport biex tikkontribwixxi lejn żvilupp pożittiv fis-soċjetà ta’ madwarna. Prosit kbira lill-amministrazzjoni ta’ Ħamrun għal din l-inizjattiva li tmur lil hinn mill-aspett sportiv.

LI   minħabba l-maltemp il-logħob mill-FA Trophy ġew posposti. Ħarġu wkoll dati ġodda fejn sfortunatament hemm minnhom li ser jaħbtu mal-logħbiet mill-UEFA Champions League li tkun qed tirritorna din il-ġimgħa.