Għawdex Lokali

Jibda l-karnival tan-Nadur

Il-Ħadd wara nofsinhar tela’ s-siparju fuq il-Karnival 2023. U fin-Nadur, folla kbira ta’ nies bdiet tiċċellebra l-karnival sabiex ipattu għal dak li tilfu fl-aħħar sentejn kaġun tal-pandemija.

Din is-sena, minħabba li s-sena l-oħra l-karnival sar b’mod ristrett u s-sena ta’ qabel ma sar xejn kawża tal-imxija .. il-briju beda ġimgħa qabel, fil-pjazza ewlenija tan-Nadur – bi programm imżewwaq u mimli daqs bajda, fejn ġiet ċċelebrata l-espressjoni artistika u t-tradizzjonijiet kulturali.

Fin-Nadur, spikka l-ispettaklu ta’ żfin mit-tfal u żfin tal-kbar, il-banda, kant u maskeruni, karrijiet, ċajt, briju u ftit togħma tal-karnival spontanju.

Ma naqsitx ukoll il-kukkanja tradizzjonali kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar.

Fi tmiem din il-ġimgħa, ic-celebrazzjonijiet fin-Nadur se jkomplu bil-Karnival spontanju – li kull sena jkun ferm mistenni.

Sadanittant, f’Malta ukoll ingħataw bidu iċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival fl-irħula.

Filfatt wara ġranet twal ta’ ħidma, ħjata, preparamenti ta’ kostumi u libretti, waslet il-ġurnata fejn fil-lokalita’ tal-Ħamrun ġie ċċelebrat il-karnival – bi spettaklu ta’ żfin, muzika, maskaruni, karrijiet u diversi loghob ghat-tfal. Fost l-ispettaklu, saret ukoll parata minn ħames baned differenti b’diversi marċi karnivaleski.