Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie nterċettat fiż-Żejtun u jinqabad fil-Madliena fuq allegat tliet kilos cannabis

Żagħżugħ ta’ 27 sena residenti l-Belt Valletta inżamm arrestat bid-difiża lanqas tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli kellu tliet kilos cannabis f’ċirkostanzi li juru li l-imsemmija droga ma kinitx għal użu personali tiegħu. Il-Pulizija qalet li nhar is-Sibt li għadda Kane Grima ġie interċettat f’Tal-Barranin ftit wara l-4pm u meta ngħata l-ordni biex jieqaf baqa’ sejjer.

Saret ‘car chase’ mill-Pulizija fejn allegatament Grima saq b’veloċità eċċessiva u waqt li kien qed jaħrab għamel ħsara fuq vettura tal-Pulizija u vetturi oħra pajżana, liema ħsara teċċedi l-€2,500. Il-Pulizija rnexxielha tinterċetta liż-żagħażugħ il-Madliena fejn hemm saret tfittxija fuqu, liema ‘search’ kompliet fid-Depot u nstab fil-pusses ta’ tliet kilos cannabis.

L-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u John Leigh Howard xlew lil Kane Grima bi 12-il akkuża fejn xlewh ukoll li hu għamel ħsara fuq ħwejjeġ ħaddieħor, li saq karozza b’manjera perikoluża u traskurata u bla kont. Li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li fixkilhom fil-qadi ta’ dmirijiethom u li kien fil-pusses ta’ arma pprojbita.

Grima ġie mixli wkoll li sar reċidiv b’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati, li kkommetta reat meta kien taħt ordni ta’ probation, li kkommetta reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, li naqas iħares waħda mill-kundizzjonijiet f’żewġ każijiet oħra. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Il-Qorti laqgħet talba tal-Prosekuzzjoni biex tikksekwestra l-flejjes u l-propjetà mobbli jew immobbli dovuti lill-akkużat. Għal Kane Grima deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.