Lokali

Jirritornaw Malta wara ħidma ta’ salvataġġ fit-Turkija

Waslet fi tmiema l-ħidma tal-uffiċjali Maltin tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija … hekk kif it-Tnejn wara nofsinhar, irritornaw pajjiżna wara ġimgħa ta’ ħidma intensiva f’operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ.

Il-membri tas-CPD marru t-Turkija dakinhar stess li seħħ it-terremot, f’anqas minn 24 siegħa mit-theżżiża.

45 pajjiż offrew l-assistenza tagħhom, fosthom Malta. Fit-Turkija, il-ħaddiema tas-CPD ingħaqdu ma’ timijiet minn pajjiżi oħra Ewropej sabiex jagħtu l-assistenza tagħhom fil-ħidma ta’ tiftix u salvataġġ. 

F’Malatya, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili ta’ Malta irnexxilhom itellgħu 18-il persuna .. iżda minkejja l-isforżi tagħhom, il-persuni kollha li ħarġu minn taħt it-tifrik sfortunatament kienu mejta.

Fl-aħħar ħin ġie kkonfermat ukoll li tim ieħor ta’ 32 uffiċjal u 8 voluntiera jinsab ppreparat u lest sabiex jitla’ t-Turkija u jkompli jassisti fid-diżastru li ħalla t-terremot.

Intant, fl-aħħar ġimgħa .. id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili nieda inizzjattiva sabiex jinġabru ammont ta’ provvisti mill-pubbliku Malti sabiex jintbagħtu lill-poplu tat-Turkija u s-Sirja. Filfatt dawn intbaghtu t-Tnejn filgħodu fl-istess ajruplan li kien fi triqtu t-Turkija sabiex inniżżel il-Ħaddiema tac-CPD lura lejn Pajjiżna.

Fost il-prodotti li ntbatu t-Turkija… intbgaħtu ikel f’bottijiet u pakketti magħluqin, prodotti sanitarji, tined, saqqijiet tat-tined, sleeping bags, kutri, ħwejeġ, torches, batteriji u power banks.