Internazzjonali

L-Ukrajna: Ikomplu l-avvanzi tar-Russi f’Bakhmut…iżda r-reżistenza għadha qawwija

Skont l-aħħar indikazzjonijiet mill-battalja qalila li ilha x-xhur għaddejja f’Bakhmut, il-qawwiet tar-Russja, issa, qegħdin javvanzaw, bil-mod, il-mod, għal fuq l-inħawi ‘sensittivi’ ta’ din il-belt lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan fost ir-reżistenza feroċi tal-Ukreni li jridu jiddefendu akkost ta’ kollox lil din iz-zona ta’ importanza kbira strateġika.

Filwaqt li l-qawwiet Ukreni u t-truppi tal-Kremlin qegħdin jiġġieldu bla ebda waqfien fit-toroq – l-Armata tal-Ukrajna għadha qed tikkontrolla din il-belt, anki jekk b’diffikultà kbira. Fil-fatt, l-akbar għadu għall-Ukreni huma n-nuqqas ta’ munizzjon u t-temperaturi ta’ friża kbira.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qed jirreferi għal Bakhmut bħala ‘il-fortizza tal-Ukreni li se tibqa’ f’idejn il-poplu’.

Dan ukoll meta l-qawwiet Russi ilhom l-aħħar sitt xhur jippruvaw jaħtfu lil din il-belt anki waqt li qed jintensifikaw l-offensiva fl-inħawi. Dan fost is-sinjali ċari li r-Russi huma ossessjonati biex iħabbru rebħa militari kbira qabel l-anniversarju ( fl-24 ta’ Frar) tal-invażjoni tal-Ukrajna.

Il-battalja għal Bakhmut hi meqjusa wkoll bħala ‘gwerra fi gwerra’ u meta fl-aħħar ġimgħat seħħew l-aktar battalji mdemmija mill-bidu tal-invażjoni.

U issa, il-qawwiet Russi qed javvanzaw aktar ‘il ġewwa fil-belt, metru wara metru, u meta fil-ġlied qed tispikka l-preżenza tal-grupp Wagner, magħmul minn merċenarji u li fil-fatt hu l-Armata sigrieta tal-President tar-Russja Vladimir Putin.

Intant, hemm ukoll rapporti li r-Russi qed ikomplu jitilfu s-suldati ‘bil-mijiet’  anki jekk il-qawwiet ta’ Putin issa għandhom kontroll effettiv taż-żewġ toroq ewlenin lejn iċ-ċentru ta’ Bakhmut….Ir-riżultat ta’ dan hu li d-difensuri Ukreni fadlilhom biss rotta waħda minfejn jaslulhom il-provvisti essenzjali biex ikomplu b’din il-ġlieda.