Knisja Lokali

Laqgħa ta’ Mons Arċisqof mal-Ġeneral tal-patrijiet Tereżjani

Fil-jiem li għaddew Mons Arċisqof Charles Scicluna, ltaqa’ ma’ P. Miguel Marquez Calle, Pirjol Ġeneral tal-aħwa Karmelitani Skalzi, magħrufa aħjar bħala Tereżjani.

Il-Prepositi Ġenerali kien akkumpanjat minn P. Roberto Pirastu, Definitur Ġenerali, illi fil-jiem ta’ qabel kien wettaq Vista’ Kanonika lil-Provinċja Tereżjana Maltija. Waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna, P. Miguel żar il-komunitajiet tal-patrijiet ta’ Bormla, B’Kara, Ta’ Xbiex u Tas-Silġ, u dawk tas-sorijiet ġewwa Bormla u Tal-Virtu’. P. Miguel twieled ġewwa Palencia, Spanja, fl-1965, u ilu jmexxi l-Ordni għal dawn l-aħħar sena u nofs. 


Matul din iż-żjara ġie elett ukoll il-Provinċjal għal patrijiet Tereżjani f’Malta għat-tliet snin li ġejjin, jiġifieri P. Jose’ tal-Immakulata’ (De Bono). P. Jose’ twieled fl-1960 ġewwa Bormla, u huwa bin Maurice u Imelda De Bono nee’ Zammit.

Huwa studja l-Filosofija u t-Teoloġija ġewwa l-Inserm, u temm il-Liċenzja fl-Antropoloġija Teoloġika ġewwa t-Teresianum, Ruma fl-1987. P. Jose’ ġie Ordnat Presbiteru nhar il-11 ta’ Lulju 1986, u kien jokkupa diversi uffiċji fil-Provinċja Tereżjana Maltija, fosthom ta’ Prokuratur, Kunsillier Provinċjali u Superjur tal-komunita’ li tmexxi d-Dar tat-Talb Tas-Silġ. Għal aktar minn tletin sena P. Jose’ kien għalliem tar-Reliġjon ġewwa l-Junior College.