Matul l-2022 t-turisti nefqu inqas mill-2021
Ċifri maħruġa mill-NSO juru li matul is-sena li għaddiet, kull turisti – ras għal ras – nefaq inqas f’pajjiżna.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kull turist fl-2022 nefaq medja ta’ €880. Dan meta sas-sena l-oħra, kull turist nefaq mal-€20 aktar.
B’hekk, it-tnaqqis qed ikun rifless fuq tqabbil ma’ sena li kienet għadha maħkuma mir-restrizzjonijiet tal-Covid, u allura suppost wieħed kien jistenna żieda u mhux tnaqqis fin-nefqa.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li l-2022 kienet sena tajba ħafna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ numru totali ta’ turisti f’pajjiżna; bil-wasliet jaqbżu iż-2,330,000.
Dan xorta huwa inqas mill-wasliet fl-2019 – l-aħħar sena sħiħa li wieħed jista’ jqabbel magħha, qabel id-daqqa tal-pandemija.
Intant it-Tnejn filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbru ċ-ċifri tas-sena turistika għall-2022 ġie spjegat li t-turisti qattgħu medja ta’ jiem inqas mis-sena preċedenti b’aktar minn 1% inqas.
Net News staqsa lill-Ministru Clayton Bartolo dwar dan it-tnaqqis mill-2021 għall-2022, bil-Ministru jisħaq li wieħed m’għandux iħares lejn is-sena preċedenti.
Huwa insista li l-2021 ma kinitx sena konsistenti u għaldaqstant wieħed m’għandux iħares lejn in-nefqa li nefaq it-turist dik is-sena. Dan filwaqt li ġibed l-attenzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, u saħaq li hemm bżonn li ċ-ċifri jiġu interpretati b’fini turistiċi.
Intant meta mqabbel mas-sena preċedenti kien hemm żieda ta’ turisti li għandhom 24 sena u inqas, iżda tnaqqis bl-ammont ta’ turisti li għandhom bejn il-25 u l-44 sena. Finalment meta mqabbel mal-2019, l-akbar żieda fl-ammont ta’ turisti kien fost dawk Pollakki, Awstrijaċi, Franċiżi, Taljani u Olandiżi. Madanakollu huma biss 66% l-ammont ta’ Brittaniċi li ġew f’pajjiżna meta mqabbel mal-2019.
//= $special ?>