Internazzjonali

Stati Uniti: Jitwaqqa r-raba’ ‘oġġett’ misterjuż għal dan ix-xahar

L-Istati Uniti reġgħet waqqgħet oġġett ieħor mhux identifikat  li kien qed jittajjar fir-raba’ operazzjoni militari tat-tip tagħha dan ix-xahar.

Il-President Joe Biden ordna li dan l-‘oġġett’ misterjuż jitwaqqa’ ħdejn Lake Huron, qrib il-fruntiera Kanadiża, il-Ħadd wara nofsinhar.

L-oġġett li għall-ewwel kien interċettat fuq is-siti militari f’Montana, is-Sibt, seta’ jinterferixxi mat-traffiku tal-ajru kummerċjali peress li kien qed jivvjaġġa f’sitt elef u mitt metru għoli. 

Dan l-oġġett, li ma kienx meqjus bħala theddida militari, ġie deskritt mill-uffiċjali tad-difiża bħala “struttura ottagonali” bi spag imwaħħla miegħu u ma kien hemm fih l-ebda ekwipaġġ. Dan twaqqa’ minn missila sparata minn Air Fighter F-16, il-Ħadd fit-tlieta nieqes kwart ta’ wara nofsinhar ħin lokali.

L-inċident qed iqajjem aktar mistoqsijiet dwar il-firxa ta’ oġġetti f’altitudni għolja li ġew imwaqqgħin fuq l-Amerika ta’ Fuq dan ix-xahar.

Bużżieqa Ċiniża li kienet maħsuba li kienet ajruplan ta’ spjunaġġ twaqqgħet ‘il barra mill-kosta ta’ South Carolina fl-4 ta’ Frar wara li damet iddur għal diversi jiem fuq l-Istati Uniti, għalkemm iċ-Ċina qed tibqa’ tiċħad.

Oġġett ieħor ġie mwaqqa’ hekk kif kien qed jittajjar fuq it-Tramuntana tal-Alaska nhar il-Ġimgħa, u s-Sibt oġġett simili twaqqa’ fuq il-Yukon fil-Majjistral tal-Kanada.